Issa li l-Gvern kellu ċ-ċans jeżamina f’iktar dettal is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeja, dan jista’ jikkonferma li d-deroga ta’ riċerka applikata sa’ mill-2020 kienet waħda leġittima, għajr għal xi rikjesti tekniċi.
Kliem il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li hu responsabbli mill-qasam tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna, b’reazzjoni għas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ddeċidiet kontra Malta dwar id-deroga fuq l-insib għas-seba’ speċi slavaġġ ta’ għasafar tal-għana, dejjem għal skopijiet ta’ riċerka.
F’video fuq Facebook, il-Ministru Camilleri nnota li s-sentenza mogħtija kienet waħda qasira li tati saħħa kbira lil pajjiżna fejn jidħol is-seba’ speċi slavaġġ ta’ għasafar tal-għana, tant li tgħid deroga li applikat pajjiżna hija waħda ċara u preċiża.
Il-Ministru qal li l-Gvern Malti kemm ‘il darba pprova jindirizza dawn it-teknikalitajiet mal-Kummissjoni Ewropea, iżda saħaq li mhux dejjem riedu jismgħu l-punti li ngħataw minn pajjiżna.
Innota li minkejja l-Kummissjoni Ewropea rebħet din il-kawża, il-Gvern Malti rebaħ punti ta’ prinċipju li se jkunu bażi għal futur li ġej. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeja aċċettat ħafna mill-punti li għamlet Malta, ħlief għal din it-teknikalità.