Il-Kunsill Internazzjonali tal-Kaċċa u Konservazzjoni, is-CIC, laqa’ b’mod pożittivi d-deroga għall-insib fuq seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana għall-iskop ta’ riċerka.
F’ittra li l-President ta’ dan il-Kunsill, George Aman bagħat lill-għaqdiet konċernati, qal li s-CIC qed tappoġġja bil-qawwi dan il-proġett ta’ riċerka li ġie mressaq il-quddiem mill-Gvern Malti u ġie approvat anki mill-kumitat ORNIS.
Minn Ottubru li ġej in-nassaba Maltin u Għawdxin se jkunu jistgħu jonsbu għall-verdun, Gerdill, taż-Żebbuġ, Apparell, Ġojjin, Sponsun u Ekru bi xbiek b’qies sa massimu ta’ tmienja u tletin metru kwadru u anke bl-użu ta’ tisfir irrekordjat.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konzervazzjonisti, l-FKNK, Lino Farrugia qal li permezz ta’ din id-deroga issa n-nassaba Maltin se jkunu jistgħu jipprattikaw id-delizzju tagħhom bil-mod tradizzjonali kif jafuh.
“Bi pjaċir ilqajna l-proposta tal-Gvern li ħa ssir riċerka fuq l-għasafar tal-għana permezz tal-insib ukoll, b’differenza li l-għasafar tal-għana li jinqabdu ma jistgħux jinżammu. Però aħna nemmnu fiha f’din ir-riċerka għax din eventwalment se twassal għall-insib tradizzjonali kif nafuh tal-għasafar tal-għana.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru responsabbli mill-insib u l-kaċċa, Clint Camilleri qal li l-pass li jmiss hu li din id-deroga tiġi diskussa fil-kabinett imbagħad eventwalment tidħol fis-seħħ.
“Wara din il-konsultazzjoni, il-materja tiġi levata għall-Kabinett imbagħad wieħed ikun jista’ jimplimenta kemm il-darba jkollna l-aprovazzjoni din id-deroga għall-ewwel darba f’pajjiżna, deroga differenti pero deroga li apparti li ser tagħti ċ-ċans lil kull nassab biex jipprattika dak li jħobb jidħol għal skop ta’ riċerka fejn se ssir riċerka u tinġabar id-data neċessarja spejċalment fejn jidħol ir-reference population tal-għana.”
Il-perjodu tal-insib għal skop ta’ riċerka se jkun miftuħ għal xahrejn, bejn l-għoxrin ta’ Ottubru u l-għoxrin ta’ Diċembru li ġej.
Ħames membri mill-Ornis ivvutaw favur, il-Birdlife vvutat kontra filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi astjeniet.