L-Oppożizzjoni illejla ma komplietx tieħu sehem fis-seduta parlamentari bid-deputati Nazzjonalisi joħorġu ’l barra mill-kamra fost għajjat ta’ “shame” u akkużi mill-membri tal-Gvern li kienu qed jaħdmu kontra l-interess nazzjonali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħa din id-deċiżjoni wara li l-ġimgħa l-oħra kellu jabbanduna l-pjan oriġinali tiegħu li joħorġ lill-Oppożizzjoni ’lbarra mill-Parlament wara li one.com.mt żvelalu l-pjan sigħat qabel is-seduta parlamentari tat-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra.
Fl-istess waqt li ħareġ lill-Oppożizzjoni ‘l barra mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiz għax qal li ried jibgħat messaġġ li mhux business as usual, fl-istess waqt kollox baqa’ għaddej normali fil-Partit Nazzjonalista bl-elezzjonijiet tal-Viċi Kapijiet skedati għas-Sibt li ġej u ġbir ta’ fondi.
Nisimgħu l-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni llejla qabel ħareġ ‘il barra mill-Kamra u r-reazzjoni tal-whip Dr Byron Camilleri.
B’reazzjoni, il-PL qal li meta llum ġara dak li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet se tagħmel il-ġimgħa li għaddietu telqet ‘il barra mill-Parlament, ħareġ ċar li Adrian Delia huwa ostaġġ tal-establishment tal-PN immexxi minn Simon Busuttil.
Il-Kap Nazzjonalista qed jipprova joħloq kwistjonijiet biex jagħmel paċi ma’ din is-sezzjoni fil-Partit tiegħu li jriduh barra. Jekk kif qal hu he’s here to stay, Delia għandu jikkonvinċi lill-Grupp Parlamentari tiegħu jappoġġjah u mhux jimmina l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Fl-istess waqt li qed tgħid li fil-Parlament mhux kollox għandu jibqa’ għaddej business as usual, internament fil-Partit Nazzjonalista kollox baqa’ għaddej normali, bil-ġbir ta’ fondi u l-elezzjonijiet għall-Viċi Kap.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista lbieraħ abbanduna lill-pajjiżu fil-Parlament Ewropew, illum iddeċieda li jabbanduna l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Din il-mossa ma ġratx għall-ewwel darba, u huwa evidenti li dak li kien isir taħt Simon Busuttil, ħa jkompli jsir taħt Adrian Delia.
Minkejja dan il-logħob tat-tfal mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Gvern jibqa’ determinat li jkompli jwettaq il-bidliet li jgħoddu fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.