Il-Partit Nazzjonalista nħakem minn qasma bla preċedent b’deputati minn fazzjonijiet differenti jakkużaw lil xulxin fil-miftuħ b’ingann, lagħqiżmu u ipokresija.
Kollox beda bis-sejħa tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li jsejjaħ għas-sospensjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simo Busuttil wara li rriżulta li rikeb fuq l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
Bosta deputati mill-fazzjoni ta’ Busuttil sfidaw pubblikament lill-kap Adrian Delia. Fosthom id-Deputat Ryan Callus, li appellalu biex jibża’ għal partit u mhux ikissru.
Id-deputat Marthese Portelli li sa ftit xhur ilu ma kinitx tara għajn m’għajn ma’ Busuttil, issa ħarġet kontra t-tmexxija ta’ Delia.
Magħhom kompla Claudio Grech li stqarr li Busuttil diġà ħallas prezz qares talli għamel l-istorja Egrant tiegħu. Qal li ma jistax jifhem kif it-tmexxija tal-Partit qed tgħaġġel biex tkeċċi lil Busuttil, u li mhux se jibqa’ kwiet.
Id-deptuat Hermann Schiavone, li appoġġja bil-kbir lill-Kap Adrian Delia biex jieħu tmun tal-partit, qal li ħadd m’għandu jgħarreq lill-Partit miegħu u bħas-Segretarju Ġenerali Clyde Pulizija xerred editorjal tat-Times biex jibgħat messaġġ li Busuttil għandu jirriżenja mill-Partit Nazzjonalista.
Id-Deputat Mario Galea qal li t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista għażlu lil Adrian Delia bħala Kap, u min mhux leali lejn il-Kap, mhux leali lejn il-partit.
Id-deputat Chris Said ħa l-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil u qal li għall-ebda raġuni m’għandna naqgħu fin-nassa li qed issirilna minn barra f’attentat ċar biex iġġib qasma bejnietna – dik li nikinsu l’ hemm lil xi wħud minna stess.”
Din kienet dikjarazzjoni ċara li ma jaqbilx li Simon Busuttil, il-moħħ wara l-inkjesta Egrant ikun sospiż mill-Partit Nazzjonalista. Iktar minn hekk ikkritika b’mod ċar l-istil ta’ Delia bla ma semmih b’ismu. Dan għax l-għada li Delia mar jitkellem fuq Net Television u kien iebes lejn Busuttil li ddeskrivih bħala “ta’ qablu”, Said kiteb li d-diskussjoni dwar liema hi l-ahjar pożizzjoni li għandha tiġi adottata quddiem dan l-abbuż ta’ poter u korruzzjoni li għandna f’pajjiżna, għandha ssir fi ħdan il-Partit.”
F’dawk li huma botti ċari għal Delia, qal li lest jieħu rwol fil-Partit Nazzjonalista biex iwassal għal xi tip ta’ ftehim. Qal li qed ipoġġi ruħu għad-dispożizzjoni tal-Partit biex internament jgħin ħalli jsibu t-triq li tgħaqqadhom u li tagħmilhom oppożizzjoni b’saħħitha u effettiva.