Id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista eletti friski jinsabu f’kunflitt dirett bejniethom hekk kif diġà sseparaw ruħhom f’żewġ fazzjonijiet.
Dan hekk kif tmintax-il deputat jinsabu maqsumin bejn tal-establishment u dawk ta’ kontrihom.
Hekk irrappurtat il-gazzetta KullĦadd li wriet kif issa r-riżulatat elettorali wassal biex iż-żewġ fazzjonijiet għandhom numru ta’ deputati ugwali li huma f’battalja mal-fazzjoni l-oħra.
Dan hekk kif minn 35 rappreżentant li tgawdi b’kollox l-Oppożizzjoni f’din il-leġislatura, mill-inqas nofshom diġà huma parti minn żewġ fazzjonijiet ewlenin.
Issa bdiet il-pressjoni biex in-nofs l-ieħor tal-grupp parlamentari jsib postu wkoll f’waħda miż-żewġ fazzjonijiet.
Il-Kulħadd irrappurtat kif it-turbolenzi interni bdew jinħassu meta l-Partit Nazzjonalista falla milli jinforma fil-ħin lill-Kummissjoni Elettorali, liema distretti kien ser iċedi s-siġġu tal-kandidati tiegħu li telgħu fuq żewġ distretti.
Argumenti u pressjonijiet miż-żewġ fazzjonijiet spiċċaw wasslu biex ikun hemm dewmien inutli u l-elezzjoni każwali għal seba’ Membri Parlamentari oħra Nazzjonalisti kellha tiġi posposta f’ħamest ijiem.
B’hekk wassal biex ikun pospost ukoll it-tħaddim tal-mekkaniżmu tal-ġeneru li żied sitt deputati nisa lil kull partit.
Il-gazzetta KullĦadd kompliet tinnota kif il-mossa tal-kandidata Janice Chetcuti li ma tikkontestax l-elezzjoni każwali u minflok tieħu post mara oħra bil-mekkaniżmu tan-nisa, wassal biex tilfet is-siġġu fil-Parlament l-kandidata Emma Portelli Bonnici.
Kandidata li rċeviet reżistenza kbira mill-fazzjoni konservattiva tal-partit ta’ Bernard Grech minħabba li hija iżjed liberali.
Dan filwaqt li din l-istess fazzjoni ta’ Adrian Delia għadha ma nsietx li Emma Portelli Bonnici kienet waħda minn dawk li flimkien mad-deputati Ivan Bartolo u Mark Anthony Sammut ġabru l-firem biex jitneħħa mit-tmexxija tal-Partit Adrian Delia.
Min-naħa l-oħra l-establishment Nazzjonalista kien favur il-kandidata tiegħu.
Madankollu Bernard Grech għażel li jsalva ġildu u ħa pass lura u ħalla lil Chetcuti tagħmel din il-mossa favur il-fazzjoni ta’ Adrian Delia sabiex dawk ta’ kontra l-establishment ma jikkontestawx it-tmexxija tiegħu.
Bernard Grech ġie injorat ukoll meta ta ordni biex ma jikkritikawhx fil-pubbliku.
Fost l-oħrajn id-deputat Għawdxi Alex Borg ħareġ jgħid li għadha trid tittieħed deċiżjoni dwar it-tmexxija ta’ Bernard Grech fil-partit.
Dan filwaqt li wera li min imexxi l-partit irid jikkunsidra l-ammont kbir ta’ voti li kiseb. Hawnhekk il-gazzetta fakkret kif m’hemm xejn ġdid fis-suppost ‘wiċċ ġdid’ ta’ Alex Borg hekk kif huwa filfatt jirrapreżenta lill-klikka ta’ Giovanna Debono li qed twettaq vendetta fuq Chris Said u l-establishment li tant ħadmu kontriha.
Filwaqt li l-elezzjonijiet każwali ħadmu favur l-establishment Nazzjonalista li ra kandidati antiki tiegħu jerġgħu jsibu posthom fil-parlament, l-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia kompla jgħawwar fil-ferita tal-establishment b’interventi pubbliċi.
Fihom huwa enfasizza l-fatt li r-riżultat elettorali kompla jġib fix-xejn id-diska tal-establishment u ta’ Bernard Grech, li taħtu saru xi avvanzi kbar.
Xi ħaġa innegata mill-elettorat li tah l-ikbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.