Permezz ta’ stqarrija id-deputati li sfiduċjaw lil Adrian Delia niedew il-kampanja għat-tellieqa għal Kap.
Huma sejħu lilhom infushom bħala l-maġġoranza assoluta tal-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Fissru kif dan hu mument storiku għall-Partit Nazzjonalista fejn tinbeda paġna ġdida b’partit kredibbli, organizzat, magħqud.
Tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li jridu jtajru ras Delia qalu li l-paġna l-ġdida se tpoġġi partit b’post għal kulħadd.
Id-deputati li sfiduċjaw lil Delia qalu li d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kumitat Eżekuttiv kienet deċiżjoni oħra importanti li permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ joħroġ mill-perjodu ikrah u diffiċli li sab ruħu fih, u jkollu elezzjoni ghal Kap ġdid sal-aħħar tas-sajf.
F’forma ta’ messaġġ ta’ kampanja, id-deputati ribelli bdew jimbuttaw lejn vot ta’ elezzjoni għal Kap ġdid.
“Kull kunsillier se jkollu ċ-ċans li jagħżel it-triq ‘il quddiem għall-Partit Nazzjonalista: jew elezzjoni miftuħa fost kandidati ġodda għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista jew inkella tiġrija fejn Adrian Delia jtellaq waħdu.”
Qalu li d-deċiżjoni biex issir tellieqa għal Kap hija fl-interess kemm tal-partit kif ukoll tal-pajjiż.