Il-Ġimgħa filgħaxija bdiet il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, fejn ingħata wkoll bidu għall-proċess ta’ ħatriet ta’ karigi għolja fi ħdan l-Amministrazzjoni u l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Il-President attwali tal-Partit Laburista Ramona Attard, irringrazzjat lid-delegati, dawk kollha li jagħtu sehemhom kif ukoll lill-ħaddiema fi ħdan l-istazzjonijiet ONE.
F’dan l-ewwel jum tal-Konferenza Ġenerali wkoll indirizzaw lil dawk preżenti d-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista Chris Fearne u Daniel Micallef għall-aħħar darba f’dan ir-rwol tagħhom.
Il-Perit Daniel Micallef xtarr dwar l-esperjenza tiegħu, hekk kif hu tela’, tarġa tarġa, fi ħdan l-istrutturi tal-Partit Laburista, kemm fil-bnazzi u anke fil-maltemp.
Hawnhekk, hu sellem ukoll il-memorja ta’ Lorenzo Vella, eks attivist Laburista u Rappreżentant Malti tal-Kummissjoni Ewropea meta miet ftit ilu f’qasir il-għomor.
Il-Perit Micallef, qal li l-prijorità tibqa’ l-Partit Laburista, hekk kif ħadem mhux biss favur kandidatura b’saħħitha, iżda wkoll manifest b’saħħtu.
Hu qal li s-saħħa tal-Partit huma t-tesserati, l-attivisti u d-delegati, filwaqt li stqarr li hu daħal għall-kariga ta’ Deputat Mexxej bil-għan ta’ tiġdid tal-viżjoni politika.
Micallef elenka wkoll il-kisbiet u riformi bla preċedent, li seħħew, kif ukoll il-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li wassal għall-akbar rebħa fl-istorja ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar diskors tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit xtarr ukoll dwar kif il-każini u l-proprjetajiet tal-Partit ġew utilizzati bl-aħjar mod biex jissaħħu l-assi tal-Partit.
Qal kif Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, dejjem laqa’ u għeleb kull sfida, u kif l-Partit Laburista kapaċi jagħtu lill-poplu l-bidla fid-direzzjoni f’ċertu oqsma.
Daniel Micallef, temm l-aħħar messaġġ tiegħu f’din il-kariga, billi rringrazzja lil dawk li mxew din il-mixja politika miegħu, dawk li jgħinu lill-Partit Laburista kif ukoll il-familja personali tiegħu.
Qal li, minkejja dan, xorta waħda se jkompli jgħin fil-kawża tal-Partit Laburista.
“Ħarsitna trid tibqa’ ffokata kontinwament ’il quddiem. Mir-rwol li nokkupa, iva, kien wasal iż-żmien li nieqaf; u hekk ilu deċiż li jsir sentejn. Ma tantx tlabtkom affarijiet f’dawn is-snin, illum ħa nitlobkom ħaġa waħda: kemm tagħmluli ftit wisa’ maġenbkom ħalli nkompli minn fejn bdejt, maġenbkom u magħkom, naħdem għall-kawża tal-Partit li tant inħobb, nirringrazzjakom.”
Sadanittant, min-naħa tiegħu, Chris Fearne tkellem, fost l-oħrajn, dwar kif il-Partit Laburista hu Partit Soċjalist u, għalhekk, filwaqt li nnota li qed isir ħafna investiment u xogħol fil-qasam soċjali, appella biex jiżdiedu l-isforzi f’dan il-qasam ħalli ħadd ma jbati l-problemi. Għax hu l-Partit Laburista li jista’ jindirizza ċerti sfidi u ħadd aktar, insista Mr Fearne.
Hu xtarr ukoll l-esperjenza tiegħu bħala kirurgu tat-tfal, filwaqt li elenka dan mal-esperjenza tiegħu fil-Partit Laburista, fejn enfasizza l-importanza li l-Partit jibqa’ jiġbed lejh nies validi.
Semma sett ta’ prijoritajiet, fosthom dik li fil-Partit hemm bżonn lil kulħadd, mill-esperjenza tal-veterani sal-enerġija taż-żgħażagħ.
Fearne qal kif il Partit Laburista jrid jibqa’ l-akbar forza politika li tagħti direzzjoni lil dan il-pajjiż, ta’ tmexxija umli.
“U dik li rridu nagħmlu … nattiraw lill-aqwa talent uman, lill-aqwa nies, lill-aqwa ideat fi ħdanna. Billi nkunu ispirazzjoni għal min irid jidħol fil-politika u daqstant essenzjali li nżommu min ilu jaħdem f’dan il-Partit, min ta ħajtu, min ta ħinu, min ta saħħtu, inżommuhom magħna u nżommuh interessat li jibqa’ jaħdem magħna. Fil-mument li qegħdin fih, intom tafu li jiena ħassejt li kelli nieħu pass lura u nibqa’ Membru Parlamentari, imma, fuq kollox, Laburist kont, Laburist għadni u Laburista se nibqa’.”
Is-sessjoni plenarja ġiet konkluża, bl-aħħar diskors ukoll mill-President Dr Ramona Attard li qalet kif il-Partit Laburista dejjem u kullimkien irid jaġixxi bħala tim wieħed.
“Ma jimpurtax nargumentaw bejnietna, però hemm barra tim wieħed. Tim wieħed kontra min irid iwaqqaf il-progress ta’ pajjiżna. Tim wieħed kontra min għalih, il-politika hi dik ta’ attakki personali. Tim wieħed kontra min iġib l-interessi tiegħu qabel il-pajjiż. U bl-istess mod, Tim Malta meta nkunu barra minn pajjiżna. Għandna tim b’saħħtu, ma tlifniex elezzjoni waħda f’dawn l-aħħar ħdax-il sena. Grazzi għal Joseph Muscat u Robert Abela, irbaħna elezzjoni wara oħra.”
Dr Attard ikkonkludiet billi rringrazzjat lil dawk kollha li taw sehemhom tul is-snin.
Qalet kif, għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista ressaq ir-rapporti finanzjarji tiegħu biex b’hekk kif hu konformi mal-liġi.
Kompliet li se tiddedika l-ħidma tagħha biex tiġġieled kontra l-attakki u favur l-umanità fil-politika, filwaqt li stqarret kif il-Partit Laburista hu l-unika forza liberali f’pajjiżna u b’hekk irid ikompli jiġġedded.