F’intervista waqt il-maratona għall-ġbir tal-fondi tal-Partit Laburista, id- Deputat Prim Ministru, Ministru għas-Saħħa, u Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament, Chris Fearne, qal li bl-emenda li qed tiġi diskussa fil-Parlament l-abort kien, għadu, u se jibqa’ illegali.
Id-Deputat Prim Ministru rrakkonta storja ta’ meta kien fil-professjoni ta’ kirurgu barra minn pajjiżna u tfajla ta’ wieħed u għoxrin sena kienet tqila u sabulha li kellha kanċer f’sidirha.
“Jekk ma tiħux il-kura issa, il-kanċer se jinfirixlek, se tmut int u se tmut it-tarbija miegħek. M’għandekx għażla. U din il-mara tant bkiet, u l-partner tagħha u l-ġenituri tagħha qasmu qalbhom bil-biki, imma ma setgħux jagħmlu mod ieħor. Din il-mara biex issalva ħajjitha – għax kienet tmut hi u tmut it-tarbija – bilfors kellhom jibdewlha l-kura u jwaqqfulha t-tqala. Bil-liġi Maltija llum dik il-mara kienet tispiċċa tliet snin ħabs f’Malta u minn salvalha ħajjitha kien jispiċċa erba’ snin ħabs. Dan ma rriduhx. Dan li qegħdin nagħmlu aħna. In-nisa għandhom bżonn is-serħan il-moħħ illi, jekk għandhom kumplikazzjoni waqt it-tqala, se jsibu tabib li jista’ jikkurahom b’wiċċu minn quddiem. Din irridu nagħmlu u xejn iżjed.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista. Daniel Micallef, sostna li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela jinsab impenjat sabiex jimplimenta l-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li l-elf proposta tiegħu ġew minn ħdan il-Partit Laburista, mill-inizjattiva 100 Idea.
Huwa semma diversi riformi li għamel il-Partit Laburista fl-aħħar xhur u tkellem ukoll dwar l-emenda li qed tiġi diskussa fil-Parlament.
“Kieku tkun bintek, se tgħid, ‘Isma’, ħalliha ta, kif tkun fix-xifer tintervjenu’. M’hawnx xi bully jgħid hekk u nemmnu? Le, u din ir-responsabilità u, kif qal il-Prim Ministru, dawk il-prinċipji mhumiex negozjabbli, imma jekk dawn iż-żewġ prinċipji jinstab mezz kif naslu għall-istess għan mingħajr ma tiġi żnaturata l-liġi u l-prinċipji li hemm fiha, il-Gvern għadu qiegħed jisma’ u lest li jkompli jisma’.”