Id-dsatax-il deputat Nazzjonalista li sfiduċjaw lil Adrian Delia ħarġu stqarrija u talbu lil Adrian Delia biex iwarrab fl-interess nazzjonali u dak tal-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija iebsa, bi kliem aħrax kontra Delia, dawk li sfiduċjawh, ewlenin fosthom dawk tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil qalu li bl-attitudni u bid-deċiżjonijiet tiegħu, Delia ħoloq firda kważi irreparabbli fost il-membri u l-attivisti tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-kuntest tar-rapport tat-Times ta’ ftit tal-jiem ilu li wera komunikazzjoni kontinwa bejn Delia u Yorgen Fenech, dawk li sfiduċjawh qalu li Delia ma rnexxielux iwarrab in-numru kbir ta’ allegazzjonijiet serji li saru fuqu.
Qalu li ħafna drabi l-Partit Nazzjonalista spiċċa jintuża biex jiddefendi sitwazzjonijiet personali.
Tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil semmew is-sondaġġi u t-telfiet elettorali li saru taħt Adrian Delia
Saħqu li huma jqisu li l-pożizzjoni ta’ Adrian Delia bħala mhux aktar tenibbli u qed jinsistu li għandu jerfa’ r-responsabbilità billi jwarrab minn Kap tal-Oppożizzjoni.
L-istqarrija kompliet iżżid fid-doża ta’ firda fost id-deputati Nazzjonalisti hekk kif dawk li sfiduċjaw lil Kap Nazzjonalista qalu li Adrian Delia qiegħed jibqa’ jwebbes rasu u qed ikompli jagħmel l-istess żbalji li ilu jagħmel għal dawn l-aħħar tliet snin bi ħsara kbira lill-Partit Nazzjonalista u lil pajjiżna.
Dawn id-deputati qalu li fosthom jeżisti qbil unanimu dwar Therese Comodini Cachia, biex din tinħatar Kap tal-Oppożizzjoni.