Iż-żewġ naħat tal-kamra qablu li l-membri parlametari li għandhom 65 sena jew aktar, li huma meqjusa vulnerabbli jew li jinsabu fi kwarantina mandatorja jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-kumitati parlamentari b’mod virtwali.
Dan ġie miftiehem waqt il-Kumitat tax-Xogħol tal-Parlament it-Tnejn, wara li l-Ispeaker qal li saru t-tħejjijiet kollha għal din il-possibiltà.
Waqt din il-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li f’possibiltà li xi deputat ikun infettat bil-COVID-19 dan se jkun sostitut waqt laqgħa tal-kumitati. Il-Leader of the House Chris Fearne qal li l-membri parlamentari huma mistennija li jibqgħu jattendu, filwaqt li tinżamm id-distanza soċjali u bħala prekawzjoni tittieħed it-temperatura.
Fost il-qbil li kien hemm matul din il-laqgħa, kien hemm li x-xhieda li jidhru quddiem dawn il-kumitati għandhom jieħdu sehem xorta waħda, b’mod virtwali.
Filwaqt, li s-sessjonijiet plenarji fil-Parlament qed jitkomplew b’mod normali mit-Tnejn wara li kienu magħluqin bil-vaganzi tal-Għid.