Il-membri Laburisti tal-Parlament Ewropew innominaw flimkien il-proġett taċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti tal-Ibwar għall-Premju taċ-Ċittadini Ewropej 2022. Iċ-ċentru hu mmexxi mill-Fondazzjoni Caritas Malta.
Dan il-premju ta’ kull sena jippremja individwi u organizzazzjonijiet fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għall-kontribut eċċezzjonali tagħhom lejn is-soċjetà.
Fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ għal nominazzjonijiet għal proġetti mwettqa minn żgħażagħ Ewropej jew proġetti relatati maż-żgħażagħ.
L-Ewroparlamentari Laburisti Alfred Sant, Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar, u Cyrus Engerer innominaw dan il-proġett bħala mudell rappreżentattiv tal-isforzi li tagħmel is-soċjetà Maltija biex tgħin lill-adolexxenti li jkunu qegħdin jesperjenzaw diversi tbatijiet f’ħajjithom.
Fl-2017, il-Caritas daħlet fi ftehim mal-Gvern sabiex tiżviluppa programm speċjalizzat u tissorvelja l-bini taċ-ċentru.
Il-proġett ra l-frott tiegħu fl-2021 meta ċ-ċentru, li jilqa’ fih erbatax-il resident u oħrajn li jattendu matul il-jum, beda joffri programmi speċjalizzati għall-adolexxenti li jabbużaw mid-droga, li tħalli impatt negattiv fuq ħajjithom.
Iċ-ċentru joffri wkoll numru ta’ servizzi psikoloġiċi b’kollaborazzjoni mal-qraba tal-adolexxenti kif ukoll ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom.
Caritas toffri firxa ta’ servizzi lil dawk l-aktar vulnerabbli filwaqt li, minħabba l-isfida tal-gwerra fl- Ukrajna, qed torganizza ġbir ta’ fondi biex toffri appoġġ għall-proġetti fl-Ukrajna u l-madwar.