Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg attakka pubblikament lill-eks strateġista ta’ Bernard Grech, Alessandro Farrugia, fuq il-midja soċjali. Dan wara li Farrugia ddikjara li l-Partit Nazzjonalista għadu ankrat b’qawwa mal-passat u, b’hekk, jinsab fl-istat diżastruż li jinsab fih.
Farrugia kien ikkummenta fuq il-fatt li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jagħmel użu mill-kanzunetta ‘We Take The Chance’ tal-grupp ‘Modern Talking’, li ħarġet 27 sena ilu u kienet intużat fil-kampanja elettorali tal-1998.
L-eks strateġista ta’ Bernard Grech tenna li dan hu sinjal ċar ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista għadu ma nbidilx.
Sussegwentement, taħt artiklu tal-Lovin’ Malta dwar dak li qal l-istess Alessandro Farrugia, ikkummenta Albert Buttigieg.
Fil-kummenti tiegħu, hu pprova jilqa’ għall-kritika ta’ Alessandro Farrugia billi semma li Mary Spiteri wkoll kienet preżenti fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Laburista f’Jum il-Ħaddiem, waqt li, imbagħad, sejjaħ il-kritika tal-eks assistent personali ta’ Bernard Grech bħala “għeneb qares”.