F’għeluq il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista, tkellem dwar l-għażla li għandu jagħmel il-poplu nhar it-tmienja ta’ Ġunju.
Fil-fatt, Fearne stqarr kif bħalissa hemm distinzjoni ċara bejn il-Partit Soċjalista Ewropew, li l-Partit Laburista Malti hu membru tiegħu u l-Partit Popolari Ewropew, li hu affiljat miegħu l-Partit Nazzjonalista dwar fejn iridu li jieħdu lill-Unjoni Ewropea.
“Ilu snin twal ma jkun hemm għażla daqhsekk ċara u elezzjoni daqshekk importanti għall-Parlament Ewropew. Għażla bejn jew il-kwantità tal-armi jew il-kwalità tal-arja, bejn aktar suldati jew aktar servizzi soċjali, bejn armati akbar jew ambjent aħjar, bejn aktar missili jew aktar mediċini. Allura hija ċara jekk tridu aktar bombi, aktar suldati, aktar armi ivvutaw lill-Partit Popolari Ewropew u l-Partit Nazzjonalista. Imma jekk tridu ambjent aħjar, jekk tridu aktar mediċini affordabbli, jekk tridu kura tas-saħħa aħjar, jekk tridu arja aħjar lil uliedna ivvutaw lill-Partit Laburista għax aħna l-garanzija ta’ futur aħjar għal uliedna.”
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Messaġġ simili għaddietu l-President tal-Partit Laburista Ramona Attard, li nnutat l-importanza tal-appoġġ tal-Maltin u l-Għawdxin biex il-pajjiż jegħleb kull sfida li jiffaċċja.
“Iva, bil-kuraġġ negħlbu kull sfida, bil-fiduċja tan-nies negħlbu kull sfida u issa wasal il-mument li nerġgħu nistaqsu għal din il-fiduċja. Ejja flimkien ma nitilfux snin li fihom kellna nitħabtu kontra kull tip ta’ ostaklu. Wasalna s’hawn u baqalna ħafna aktar x’nagħmlu għal dan il-pajjiż. Għalhekk fit-tmienja ta’ Ġunju nivvutaw għall-kandidati kollha tal-Kunsilli Lokali u tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.”
Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard