Ministri għas-Saħħa mis-Seychelles, il-Bahamas, Barbados, Grenada, il-Montenegro u rappreżentanti ta’ Belize u tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa laqgħu l-istedina tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, għal laqgħa dwar l-użu tat-teknoloġija fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżi b’popolazzjonijiet żgħar.
Fil-Ministeru għas-Saħħa, id-deputat Prim Ministru Fearne esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din il-laqgħa importanti u sostna li din hija essenzjali sabiex jiġu diskussi sfidi u realtajiet komuni fil-qasam tas-saħħa li jaffaċċjaw dawn l-Istati żgħar.
Huwa ħeġġeġ għat-twaqqif ta’ netwerk internazzjonali tal-Ministri għas-Saħħa ta’ nazzjonijiet żgħar, li jista’ jkun appoġġjat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa nnifisha.
B’hekk ikun hemm forum strutturat fejn pajjiżi żgħar jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki fil-qasam tas-saħħa u jitgħallmu minn xulxin.
“Huwa importanti li l-pajjiżi żgħar, mhux biss fejn jidħlu r-relazzjonijiet bejnietna imma anke ġo fora internazzjonali, ningħaqdu flimkien biex b’hekk inkunu nistgħu nwasslu l-leħen tagħna anke fil-fora internazzjonali ma’ pajjiżi ferm akbar minna.”
Id-Deputat Prim Ministru appella wkoll sabiex il-pajjiżi, f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, jaħdmu fuq sistema ta’ teknoloġija komuni ta’ rekords elettroniċi tal-pazjenti, sabiex ikun possibbli li l-pazjenti jagħtu aċċess għall-informazzjoni tas-saħħa tagħhom lit-tobba irrispettivament mill-pajjiż minn fejn ikunu qed jaċċessaw il-kura.
Waqt din il-laqgħa l-ministri għas-saħħa ngħataw preżentazzjoni dwar l-użu tat-teknoloġija diġitali fis-sistema tas-saħħa Maltija.
Ġie spjegat kif l-użu ta’ servizzi bħar-reġistri elettroniċi tal-pazjenti, it-telemediċina, il-moniteraġġ mill-bogħod tal-pazjenti, u teknoloġiji oħra qegħdin jassistu lill-professjonisti tas-saħħa biexjoffru servizz aħjar u iżjed effiċjenti lill-pazjenti.
Minbarra l-interventi tal-ministri għas-saħħa, intervjena wkoll b’mod virtwali d-Direttur Reġjonali Ewropew tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa Hans Kluge.
Huwa rringrazzja lil Malta ta’ din l-inizjattiva, filwaqt li elenka numru ta’ servizzi teknoloġiċi li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qiegħda tħeġġeġ lill-pajjiżi membri jimplimentaw għat-titjib globali tas-servizzi tas-saħħa.