“Mhuwiex aċċettabbli li għad baqa’ l-faqar estrem u l-ġuħ fid-dinja tal-lum. Fil-‘Patt għall-Ġejjieni’, li adottajna f’dan is-summit, qed inġeddu l-impenn tagħna biex neliminawhom.”
Dan sostnih id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, waqt li indirizza s-sessjoni plenarja tas-‘Summit għall-Ġejjieni’ t-Tnejn waranofsinhar – wieħed mill-avvenimenti l-aktar kruċjali fid-79 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, li qed tittella’ bħalissa fi New York, l-Istati Uniti.
Wara sensiela ta’ djalogi interattivi, is-summit laħaq il-qofol tiegħu b’dikjarazzjonijiet mill-mexxejja tal-pajjiżi u bl-adozzjoni tal-‘Patt għall-Ġejjieni’, dikjarazzjoni bbażata fuq azzjonijiet tanġibbli.
Dan jafferma l-azzjonijiet multilaterali meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, l-innovazzjoni xjentifika, il-kooperazzjoni diġitali u l-involviment taż-żgħażagħ.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Malti enfasizza l-ħtieġa għal azzjonijiet immedjati u komprensivi biex jintlaħqu aktar malajr l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030 u n-newtralità fil-klima sal-2050.
Qal ukoll li Malta tappoġġja s-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, li issa hi riflessa fil-Patt, għal enfasi akbar fuq il-prevenzjoni tal-konflitti bħala prekursur għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-enfasi tal-Patt fuq it-tfal u saħaq dwar il-ħtieġa li dawn jiġu mħarsin mill-konflitti u l-vjolenza, u li jkun hemm investiment fl-edukazzjoni tagħhom.
“Indirizzajt is-Summit of the Future proprju hawnhekk fil-Ġnus Maqgħuda, fejn il-Patt li ilu jinħema għal snin twal, ġie adottat. Il-messaġġ tagħna kien wieħed sempliċi, imma nemmnu li sinifikattiv. Sħaqt ukoll fuq l-importanza tat-tfal. Ma jistax ikun li fl-2024 nibqgħu naraw tfal imutu bil-ġuħ, mingħajr edukazzjoni u allura f’kundizzjonijiet xejn feliċi.”
IAN BORG
Sadanittant nhar il-Ħadd, waqt wieħed mid-djalogi interattivi li saru fil-bidu tas-summit, id-Deputat Prim Ministru appella lill-pajjiżi biex jieħdu passi immedjati ħalli jnaqqsu t-tniġġis u jaqilbu għal enerġija rinnovabbli, filwaqt li jipproteġu lill-komunitajiet vulnerabbli, partikolarment l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u li qed jiffaċċjaw theddid eżistenzjali minħabba ż-żieda fil-livell tal-baħar.