Malta appellat lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea sabiex jesploraw kif jistgħu jegħlbu l-attakki ibridi b’mod kollettiv, filwaqt li jżidu r-reżiljenza tas-sistemi elettorali u l-infrastruttura kritika, fosthom anke l-cables f’qiegħ il-Baħar Mediterran.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg esprima s-solidarjetà sħiħa ta’ Malta mal-pajjiżi membri tal-UE li ntlaqtu minn attakki ibridi, fil-kummenti tiegħu wara laqgħa li kellhom il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Kaya Kallas, sabiex jiddiskutu t-theddid ibridi, fl-istess jum li l-istess Ministri ltaqgħu għall-Laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE fi Brussel, it-Tnejn filgħodu.
Il-Ministru stqarr li Malta tinkoraġġixxi aktar diskussjoni fost l-esperti sabiex ikun hemm strateġija dedikata tal-UE li tilqa’ għal dawn it-theddid b’mod effettiv, fejn fost is-suġġetti diskussa kien hemm il-cables tal-elettriku f’qiegħ il-baħar, pajpijiet tal-gass u sistemi tat-telekomunikazzjoni li jeħtieġ li jingħataw il-ħarsien meħtieġ fl-ibħra tal-UE. Qal kid dawn l-attakki li jsiru jolqtu direttament is-sigurtà tagħna u jista’ jkollhom impatti ambjentali kbar.
Dwar il-gwerra t’aggressjoni illegali tar-Russja fl-Ukrajna, id-Deputat Prim Ministru nnota li hekk kif qed tiżdied l-ispekulazzjoni dwar il-prospett li dan il-kunflitt jintemm, huwa importanti li l-UE tibqa’ magħquda fl-impenn tagħha li tappoġġja lill-Ukrajna, anke waqt in-negozjati, fejn semma kif il-pjan għall-paċi għandu jkun immexxi mill-Ukrajna, bis-sehem attiv tal-UE.
Huwa tkellem ukoll dwar l-impenn ta’ Malta li tegħleb l-isfida tax-shadow fleet tar-Russja, hekk kif fakkar li l-pajjiż ma baqax lura milli jdaħħal fis-seħħ il-projbizzjonijiet marbuta mas-servizzi marittimi, filwaqt li ħadem sabiex inaqqas l-impatt dirett li dawn għandhom fuq għadd ta’ industriji ewlenin tal-pajjiż.
Hekk kif laqa’ l-ftehim ta’ waqfien mill-ġdid li ntlaħaq dan l-aħħar bejn l-Israel u l-Ħamas, Borg enfasizza l-ħtieġa li dan jiġi mwettaq b’mod sħiħ, fejn semma li sa issa għadu ma jistax ikollna moħħna mistrieħ li m’għadx hemm theddida, bit-negozjati waqt it-tieni u t-tielet fażijiet ta’ dan il-ftehim se jkunu diffiċli. Semma kif huwa wkoll kruċjali li lkoll flimkien nibqgħu nikkonċentraw fuq dak kollu li qed jikkawża din l-instabilità, fosthom l-irwol tal-Iran, in-nuqqas ta’ tama għas-soluzzjoni taż-żewġ stati, u l-pożizzjonijiet ideoloġiċi li mhumiex jippermettu li dawn iż-żewġ popli jgħixu flimkien f’dan ir-reġjun.
L-amministrazzjoni ġdida tal-President Trump fl-Istati Uniti ukoll kienet fuq l-aġenda tal-laqgħa tat-Tnejn, fejn id-Deputat Prim Ministru Ian Borg irrimarka li r-relazzjoni trans-Atlantika tal-UE, ibbażata fuq interessi u valuri li ż-żewġ naħat jaqblu dwarhom, ser tibqa’ essenzjali sabiex jingħelbu sfidi globali, filwaqt li tissaħħaħ il-ħidma lejn sigurtà u prosperità kollettiva.