Ġew ippreżentati l-Michelin Awards 2025 lill-aqwa stabbilimenti kulinarji f’Malta waqt ċerimonja organizzata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, u l-Michelin Guide.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, fid-diskors tiegħu, enfasizza dwar l-importanza ta’ dawn l-unuri lir-restoranti, li mhux biss jistimulaw tkabbir ekonomiku fl-immedjat, iżda wkoll joħolqu effetti dejjiema li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika usa’ ta’ pajjiżna fl-isfera internazzjonali.
Waqt li ġew ippreżentati tliet kategoriji tal-Michelin Awards, fil-kategorija Bib Gourmand, ġew ikkonfermati ħames restoranti, filwaqt li 31 oħra ġew rikonoxxuti bħala Michelin Recommended, inkluż tliet stabbilimenti ġodda.
Carlo Micallef, Kap Eżekuttiv tal-MTA, faħħar l-industrija tal-ikel f’Malta bħala pilastru ewlieni tal-istrateġija nazzjonali tat-turiżmu.
“F’dan is-sens qegħdin ninvestu fis-settur tal-gastronomija u nkomplu ndaħħluh fil-pjani tagħna tal-promozzjoni ta’ pajjiżna u l-Michelin Guide joffri l-istandards internazzjonali li wieħed ikejjel l-livell milħuq mill-industrija Maltija.”
Carlko Micallef, Kap Eżekuttiv, MTA

Iċ-Chairman tal-istess awtorità, Charles Mangion, saħaq dwar iż-żieda b’mod mgħaġġel fil-livell kulinarju ta’ Malta f’dawn l-aħħar erba’ snin u kif, fl-2020, pajjiżna kellu biss tliet restoranti bi stilla tal-Michelin.
“Il-fatt li matul dawn l-aħħar erba’ snin irdoppjajna n-numru ta’ restoranti li ħadu din l-istilla u kien hemm oħrajn li ħadu double star, jara kif kontinwament l-esperjenza tal-kokijiet tagħna, tar-restoranti tagħna li jfittxu l-kwalità, hi xi ħaġa pożittiva ħafna li ttejjeb il-prodott turistiku. Naħseb dan hu eżempju fejn aħna rridu nkomplu ninsistu fuq il-kwalità, għax il-kwalità ġġib it-titjib u l-kwalità ġġiblek ukoll it-turist ta’ kwalità li hu l-oġġettiv li rridu nimmiraw għalih biex ikollna sostenibbiltà fit-turiżmu.”
Charles Mangion, Chairman, MTA