Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, kien fost erba’ kapijiet ta’ gvernijiet magħżula biex jindirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġew imħabbra l-konklużjonijiet taċ-CHOGM 2024 f’Samoa.
Il-Ministru Borg faħħar il-potenzjal tal-Commonwealth li jgħaqqad flimkien sitta u ħamsin pajjiż, li jsaħħaħ il-vuċi tagħhom fuq livell globali.
Id-Deputat Prim Ministru Malti semma r-rwol li għandhom iż-żgħażagħ fis-soċjetà u fil-ħajja pubblika biex l-aspirazzjonijiet tan-nies isiru realtà.
Tkellem ukoll dwar sfidi li jaffaċċjaw stati gżejjer żgħar, bir-riżultati minn din il-laqgħa għolja għandhom jiġu rinforzati matul il-COP29, li se jsiru f’Baku l-Azerbaijan.
Sadanittant, f’din il-laqgħa f’Samoa, il-Deputat Prim Ministru Ian Borg ġie elett biex jippresjedi l-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth għas-sentejn li ġejjin.
Dan filwaqt li Malta ġiet ikkonfermata mill-ġdid biex tkompli sservi f’dan il-grupp ta’ azzjoni għat-tieni mandat tagħha ta’ sentejn, hekk kif kienet ukoll parti minn dan il-Grupp fl-2023 u fl-2024.