Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg iltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-Migrant Offshore Aid Station (MOAS), l-organizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja Maltija li l-bażi medika tagħha fl-Ukrajna għadha kif ġiet milquta minn attakk mill-ajru Russu.
Matul il-laqgħa fil-Parlament, Borg esprima solidarjetà mal-membri ta’ MOAS li ndarbu matul l-attakk, waqt li tenna s-sejħa ta’ Malta għal aktar protezzjoni internazzjonali b’saħħitha għall-ħaddiema u l-voluntiera tal-għajnuna umanitarja fiż-żoni ta’ kunflitt. Faħħar ukoll lil din l-organizzazzjoni, hekk kif qiegħda tiċċelebra l-10 anniversarju tagħha.
Sa mill-bidu tagħha fl-2014, MOAS għenet ħafna komunitajiet fiż-żoni ta’ kunflitt u f’żoni milquta minn diżastri naturali. Inizjalment din l-organizzazzjoni kienet tiffoka fuq is-salvataġġ ta’ ħajjiet fil-Mediterran matul il-kriżi tal-migrazzjoni. Eventwalment kompliet tespandi l-missjoni tagħha għal firxa aktar wiesgħa ta’ operazzjonijiet umanitarji madwar id-dinja, inkluż fl-Asja tax-Xlokk, il-Bangladexx u fis-Sudan, is-Somalja u l-Jemen. Minn mindu bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna fl-2022, MOAS intensifikat l-operazzjonijiet tagħha f’dan il-pajjiż, b’għajnuna lill-awtoritajiet lokali u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jipprovdu kura medika ta’ emerġenza fuq il-fruntieri. B’tim ta’ 150 ħaddiema mediċi, tobba u xufiera tal-ambulanza, ilkoll Ukreni, din l-organizzazzjoni Maltija diġà tat kura lil aktar minn 50,000 pazjent, mingħajr ma rreġistrat ebda fatalità.
Id-Deputat Prim Ministru Borg faħħar lil MOAS għall-impenn bla waqfien tagħha biex issalva l-ħajjiet. “L-10 anniversarju ta’ MOAS hija opportunità biex nirriflettu fuq ir-rwol kruċjali li l-organizzazzjonijiet umanitarji għandhom fid-dinja tagħna. L-isforzi ta’ MOAS ifakkruna fl-impenn tagħna biex nipproteġu d-dinjità tal-bniedem, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi. Malta se tkompli tappoġġja lil dawk li jaħdmu bla heda biex jipprovdu għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn. Fil-fatt, l-azzjoni umanitarja mhix għażla iżda responsabbiltà tagħna lkoll,” hu qal.
“Bħala membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, u permezz tal-presidenza tagħna tal-OSCE, flimkien mal-impenn tagħna f’pjattaformi internazzjonali oħra, se nkomplu nsejħu għal aktar protezzjoni lill-ħaddiema umanitarji,” żied jgħid Borg.
Albert Delia, Uffiċjal tal-Ġbir ta’ Fondi u l-Iżvilupp ta’ MOAS, qal li “l-ħidma ta’ MOAS fl-Ukrajna teħtieġ ħafna fondi u riżorsi oħrajn. Qed naħdmu biex inkomplu nagħtu din l-għajnuna umanitarja. F’dawn l-aħħar għaxar snin, irċevejna l-appoġġ tal-Gvern Malti, u nixtiequ nkomplu f’din id-direzzjoni. Nixtiequ wkoll nappellaw għal aktar donazzjonijiet mill-pubbliku, sabiex inkomplu ngħinu lill-komunitajiet fil-bżonn fl-Ukrajna u f’pajjiżi oħrajn.”
Id-Deputat Prim Ministru reġa’ tenna dan l-appell, u ħeġġeġ lill-poplu Malti, inkluż negozji, biex jappoġġjaw b’mod attiv lil MOAS u organizzazzjonijiet umanitarji oħra.