Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, kellu laqgħa mal-Prim Ministru tal-Palestina Mohammed Mustafa, fil-marġini tal-ewwel laqgħa għolja ta’ djalogu tal-Unjoni Ewropea mal-Awtorità Palestinjana, li saret fil-Lussemburgu.
It-temi ewlenin f’din il-laqgħa kienu l-appoġġ ta’ Malta lejn il-kawża Palestinjana, l-aħħar żviluppi fix-Xatt tal-Punent u f’Gaza, kif ukoll l-isforzi kontinwi favur paċi dejjiema bbażata fuq is-soluzzjoni taż-żewġ stati.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li, f’dan iż-żmien delikat u fid-dawl tal-iżviluppi dejjem aktar allarmanti f’Gaza u fix-Xatt tal-Punent, hu importanti li Malta tkompli tisħaq dwar l-appoġġ tagħha lejn il-poplu Palestinjan.
“Mhux biss il-waqfien mill-ġlied, iżda l-mixja lejn is-soluzzjoni taż-żewġ stati, dik li dejjem Malta appoġġjat. Żewġ stati li jkunu jistgħu jgħixu biswit xulxin u fis-sigurtà.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

F’kummenti dwar id-djalogu ta’ livell għoli tal-Unjoni Ewropea mal-Awtorità Palestinjana, Dr Borg ħeġġeġ biex l-Unjoni Ewropea tieħu rwol attiv u kkordinat fl-impenn tagħha mal-imsieħba Għarab bil-għan li jkun hemm pjan dwar il-futur ta’ Gaza.
Fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, ġiet diskussa wkoll, fost oħrajn, il-Gwerra fl-Ukrajna.
