Bejn illum u għada, mexxejja mill-erbgħa u ħamsin pajjiż tal-Commonwealth qed jiltaqgħu fir-Rwanda biex jiddiskutu temi ta’ interess komuni.
Din il-laqgħa għolja, ippreseduta mill-Prinċep Karlu, qed issir għall-ewwel darba wara erba’ snin, wara li fl-2020, minħabba l-pandemija, inqabżet.
It-tema din is-sena hija “Lejn Futur Komuni – Konnettività, Innovazzjoni, Trasformazzjoni.”
F’isem pajjiżna hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, li spjega s-sinifikat ta’ laqgħat bħal dawn għal pajjiż ċkejken bħal Malta.
“Laqgħat bħal tal-lum joffru żewġ opportunitajiet. L-ewwel waħda l-opportunità li aħna nagħmlu kuntatti ġodda u nkabbru dawk li għandna diġà, anki li matul is-snin ikollna bżonn nagħtu dik l-ispinta fejn tiltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ mexxejja ta’ pajjiżi oħra. Però mbagħad, wieħed jirrealizza wkoll li, fid-dinja, il-problemi huma simili. Problemi ta’ tibdil fil-klima, problemi ta’ prezzijiet li qegħdin jogħlew mad-dinja kollha, problemi ta’ nuqqas ta’ ikel, u b’hekk allura mhux biss inwasslu l-punti tagħna imma nitgħallmu minn ħaddieħor u nkomplu nagħmlu dawk ir-rabtiet ma’ pajjiżi oħra li jwasslu għal aktar trade, ħbiberiji, u kummerċ bejn pajjiż u ieħor.”