Malta kompliet tisħaq għall-paċi fl-Ukrajna u biex ma jkomplux jinqatlu nies innoċenti. Għadda dan il-messaġġ id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, meta kien qed jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fi New York, l-Istati Uniti.
Sostna li kulħadd għandu jirrispetta l-liġijiet internazzjonali u għal darb’oħra, fil-fora internazzjonali, Malta reġgħet talbet għall-waqfien immedjat mill-ġlied.
Intqal li f’din il-gwerra tilfu ħajjithom bosta persuni, mhux l-inqas nisa u tfal, filwaqt li wasslet biex miljuni kellhom jitilqu minn djarhom u saħansitra oħrajn li telqu minn pajjiżhom u qed jieħdu refuġju f’pajjiżi oħrajn.
“The Security Council cannot let violations of international humanitarian law go unchecked, critical infrastructure must never be a target, hospitals must never be a target, schools must never be a target and most of all civilians and children must never be a target. We must continue our efforts to make sure that all perpetrators of such crimes are held countable.”
Id-Deputat Prim Ministru Malti sostna li pajjiżna lest jaħdem biex ikun hemm qafas neċessarju ħalli dan il-pajjiż ikollu l-paċi darba għal dejjem.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, il-President Ukren, Volodymr Zelensky, u s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken.