Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg ġie elett biex jippresjedi l-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG) għas-sentejn li ġejjin.
Il-ħatra tħabbret waqt is-67 laqgħa tas-CMAG, li saret bħala parti mil-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth jew CHOGM 2024, f’Samoa.
Dan il-Grupp ta’ Azzjoni jinkludi disa’ stati membri tal-Commonwealth biex iżommu mal-prinċipji fundamentali ta’ din l-Organizzazzjoni, inklużi d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Malta ġiet ikkonfermata mill-ġdid biex tkompli sservi fil-CMAG għat-tieni mandat tagħha ta’ sentejn hekk kif kienet ukoll parti minn dan il-Grupp fl-2023 u fl-2024.
Il-Ministru Borg ingħaqad ukoll mal-mexxejja tas-56 stat tal-Commonwealth għas- Sessjoni Eżekuttiva tal-CHOGM 2024, fejn enfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-Intelliġenza Artifiċjali.