Fi stqarrija d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Stella Kyriakides.
Fost it-temi li ddominaw din il-laqgħa kien hemm dik dwar il-Coronavirus hekk kif intqal li dawn il-laqgħat qed isiru biex titejjeb u tiżdied il-koperazzjoni bejn l-istati Membri Ewropej b’rabta mat-tifqiegħa tal-virus Covid-19.
Waqt il-laqa’, il-Ministru Fearne spjega l-inizjattivi u miżuri differenti li ħadet Malta sabiex tilqa’ għat-tifqiegħa ta’ dan il-virus li ddomina l-aħbarijiet għal dawn l-aħħar ġimgħat.
Huwa qal kif bħalissa Malta tinsab fi stadju fejn għadha qed tara li tkun preparata f’każ li jkollna l-ewwel każ tal-virus. Dan hekk kif sa issa pajjiżna huwa wieħed mill-ftit pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn għadu ma wasalx dan il-virus.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne inkoraġġixxa l-Kummissjoni Ewropea sabiex tiprepara dak kollu li hemm bżonn sabiex tiskatta proċess ta’ prokura konġunta sabiex tixtri vaċċin għal Covid-19 ġaladarba l-istess vaċċin ikun awtorizzat.
Intant ġie spjegat kif bħalissa l-Kummissjoni Ewropea qed tiltaqa’ mal-istati membri Ewropej kollha sabiex kulħadd ikun preparat bl-aħjar mod possibbli għall-Coronavirus.
Kyriakides saħqet ukoll li l-Kummissjoni Ewropea qed tiffaċilita x-xogħol sabiex l-aqwa prattiċi u informazzjoni relatati ma’ din it-tifqiegħa jkunu mxerrda faċilment.
Dan bil-għan li dan il-virus ikun miġġieled bl-aħjar mod possibbli.
Ritratt: MFH/ODPM