Fl-ewwel indirizz tiegħu bħala l-President tas-76 sessjoni tal-Assemblea Dinjija għas-Saħħa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Malti, Chris Fearne, appella lill-mexxejja tas-Saħħa madwar id-dinja biex jingħaqdu u jagħmlu t-tibdiliet meħtieġa sabiex kulħadd ikollu l-istess aċċess għall-iżviluppi fil-qasam tas-saħħa u l-farmaċewtika, irrispettivament minn fejn ġej.
Huwa fakkar li l-prinċipju tal-kura tas-saħħa universali huwa wieħed mis-sisien tal-ħidma tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa u li huwa d-dmir ta’ kull mexxej li jara li ħadd ma jaqa’ lura.
Huwa qal li s-sistema preżenti tad-distribuzzjoni tal-mediċini qiegħda tfalli lil miljuni taċ-ċittadini u għalhekk għandu jkun ta’ interess għall-mexxejja kollha li tinstab soluzzjoni.
Id-Deputat Prim Ministru għamel referenza wkoll għall-COVID-19, li wriet li l-mard ma jillimitax ruħu għall-konfini ġeografiċi u li meta d-dinja tingħaqad, l-isfidi mediċi jingħelbu.
Għalhekk, appella biex, bl-istess mod jiġu indirizzati sfidi oħra fil-qasam tas-saħħa, bħar-reżistenza għall-antimikrobji.
Il-Ministru Fearne għalaq l-ewwel messaġġ tiegħu billi fakkar lill-194 mexxej preżenti li, bħala membri tal-Għaqda dinjija tas-Saħħa, hemm ħafna x’reġjun jista’ jitgħallem minn ieħor.