Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne jinsab l-Oman fejn qed jipparteċipa fit-tielet Konferenza Ministerjali Globali dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi.
Din il-Konferenza qed titlaqqa’ bil-għan li tħeġġeġ kooperazzjoni internazzjonali u tħaffef il-proċessi fejn tidħol ir-reżistenza għall-antibijotiċi. Fl-istess waqt, qed twitti t-triq għal laqgħa oħra fuq l-istess suġġett waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2024.
Tlett ijiem ilu, Chris Fearne nħatar Viċi Chairman tal-Global Leaders Group dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi.
F’dan l-irwol, il-Ministru tas-Saħħa Malti kien fost il-kelliema ewlenin waqt din il-konferenza fl-Oman, flimkien ma’ kelliema mill-Oman, mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u organizzazzjonijiet dinjija oħra.
Fid-diskors tiegħu, Chris Fearne qal li din l-isfida tirrikjedi s-soluzzjonijiet u saħaq fuq l-aċċess u l-użu responsabbli u sostenibbli għall-antibijotiċi.
Huwa qal kif kull pajjiż, kull sptar u kull klinika, għandhom jagħmlu l-parti tagħhom f’dan ir-rigward.
“Il-problema għar-reżistenza tal-antibijotiċi, magħrufa bħala Antimicrobial Resistance mhix biss problema tas-saħħa tal-bniedem imma hija wkoll problema tas-saħħa tal-annimali, problema tas-saħħa tal-pjanti, u s-saħħa tal-ambjent tagħna, u allura bħala d-Deputat Chair tal-Global Leaders Group, aħna qegħdin nimbuttaw biex is-setturi kollha jiġu fimkien. Il-konferenza tal-lum fl-Oman qed tagħmel eżatt hekk. Qed iġġib Ministri tas-Saħħa, Ministri tal-Agrikoltura, Ministri tal-Ambjent minn madwar id-dinja, biex flimkien insibu soluzzjonijiet għall-problema kbira tar-reżistenza tal-antibijotiċi.”