“Hekk kif l-intelliġenza artifiċjali qed tbiddel l-ekonomiji globali u l-governanza, Malta ttenni s-sejħa tagħha għal żvilupp responsabbli u użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali.” Aċċenna dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, hekk kif irrappreżenta lil Malta fl-Artificial Intelligence Action Summit, f’Pariġi.
Hawnhekk mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u esponenti ewlenin tal-industrija kellhom diskussjonijiet għoljin dwar ir-regolamentazzjoni tal-AI, l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi ta’ din it-teknoloġija, kif ukoll l-istrateġija tal-Ewropa dwar l-innovazzjoni.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/11152709/PR250220c-1024x707.jpeg)
Fil-fatt id-Deputat Prim Ministru Borg ħa sehem f’laqgħa għolja, immexxija mill-President Franċiż Emmanuel Macron, flimkien mal-mexxejja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea u rappreżentanti tal-industrija tat-teknoloġija.
Malta tenniet l-impenn tagħha lejn politika dwar l-AI msejsa fuq it-trasparenza, il-kontabilità u l-inklussività, filwaqt li saħqet li l-AI jeħtieġ tavvanza id f’id mar-responsabilità soċjali u ambjentali.
“Impatt mhux biss fuq id-dinja diġitali, imma impatt fuq l-ekonomiji, il-kwalità tal-ħajja, impatt fuq l-enerġija, impatt fuq l-impjiegi u, għaldaqstant, l-importanza li l-Ewropa tkum kompetittiva, tkun qegħda tirkupra f’din il-ġirja,, speċjalment fil-konfront ta’ kontinenti oħrajn, bħall-Amerka u ċ-Ċina. U fl-istess ħin, f’dak kollu li nagħmlu, inżommu l-bniedem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħna.”
Id-Deputat Ministru Ian Borg
Dr Borg kompla jgħid li, permezz tal-inizjattiva European Digital Innovation Hubs, Malta b’mod attiv qed tħeġġeġ biex aktar negozji żgħar u medji jużaw l-AI biex isaħħu l-kompetittività u l-ħiliet tagħhom fl-ekonomija diġitali.