Kemm ilhom l-isptarijiet f’idejn il-Gvern, il-ħaddiema kollha baqgħu mal-Gvern, filwaqt li s-servizz baqa’ jingħata bl-istess mod.
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, fil-Parlament.
Chris Fearne qal li f’Diċembru tal-2016, kien hu stess bħala Ministru tas-Saħħa li talab lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga l-konċessjoni tal-isptarijiet, waqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet qalet li dan huwa “gimmick”.
Il-Ministru għas-Saħħa semma żewġ żvilluppi: l-ewwel wieħed kien fil-ħamsa ta’ April li għadda, hekk kif it-tmexxija tal-isptarijiet reġgħet ġiet f’idejn il-Gvern. It-tieni żvilupp huwa dak tal-Arbitraġġ Internazzjonali, fejn beda l-proċess sabiex wieħed jiġġieled għad-danni.
“Dan il-proċess mhux qed isir minn wara dahri u allura ħa nagħmlu ħilitna kollha u ħa nagħtu garanzija li se nagħmlu ħilitna kollha biex nieħdu ħsieb l-interess ta’ Malta.”
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Ministeru għas-Saħħa, għal numru ta’ snin, irreżista milli jħallas ħlasijiet li rriżultaw uill-kuntratt oriġinali, li ma kienx sar bil-kunsess tal-Kabinett.
Wara Jannar tal-2020, id-diskussjonijiet tal-Gvern ma’ Steward kienu dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt, iżda qalulhom li hemm klawsola ta’ €100 miljun.
“Wara Jannar tal-elfejn u għoxrin, jgħidha l-awditur u semmiha tajjeb ħafna il-Ministru għal Ġustizzja, id-diskussjonijiet tal-Gvern ma’ Steward kienu lkoll jitkellmu fuq li tiġi terminata l-konċessjoni. Però kien hawn li x’ħin bdejna nitkellmu fuq il-konċessjoni ma’ Steward li ħarġulna l-Joker tal-mitt miljun. Din kienet l-ewwel darba li jien personalment, bil-Prim Ministru miegħi, li sirna nafu bil-klawżola tal-mitt miljun.”
Qal li, mill-bidu ta’ April, l-isptarijiet ġew f’idejn il-Gvern – is-servizzi fl-isptarijiet baqgħu jingħataw, waqt li l-ħaddiema kollha żammew l-impjieg. Hawnhekk ħabbar li, mit-30 ta’ Mejju, il-ħaddiema li kienu jaħdmu ma’ Steward se jinqelbu kompletament mal-Gvern.
Qal li miexi tajjeb ix-xogħol fuq it-tender sabiex fl-isptar ta’ Għawdex ikun hemm l-MRI tal-ogħla livell u ħabbar li partijiet mill-Isptar San Luqa se jibdew jintużaw għal skopijiet mediċi. Din il-proposta se titressaq quddiem il-Kabinett tal-Ministri.
Fearne innota wkoll li Gvern Nazzjonalista kien ikkonsidra li l-Isptar San Luqa jeqilbuh f’uffiċini u appartamenti.
Intant, dwar dan is-suġġett tkellmu wkoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari u Whip tal-Gvern, Andy Ellul.
Il-Ministru Attard xejjen il-politika tal-Partit Nazzjonalista fuq dan is-settur, anke fid-dawl tad-denunzja miftuħa mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela, fost oħrajn.
Il-Ministru Attard irrimarka r-responsabbiltà politika li qed jerfa’ u jagħmel tajjeb għaliha l-Gvern minkejja x-xkiel tal-Partit Nazzjonalista li jispinja l-fatti, kif ħareġ anke mir-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Huwa temm jgħid li l-Oppożizzjoni fuq dan is-suġġett lanqas taf fejn qiegħda. Dan b’differenza għall-Gvern, li fl-aħħar snin fuq din il-kwistjoni poġġa dejjem fuq quddiem l-interess nazzjonali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jinżel fil-baxx, fosthom bid-denunzja fil-konfront tal-Prim Ministru biex jipprova jsalva ġildu.