F’konferenza interparlamentari organizzata mill-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Laburista Omar Farrugia rrappreżenta lill-Parlament Malti f’diskussjoni fi Brussell dwar is-saltna tad-dritt.
Din il-konferenza ttrattat ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea li jservi bħala bażi għall-mekkaniżmu tas-saltna tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
“Għalina bħala Maltin, dan ir-rapport jagħtina kuraġġ biex inkomplu nimxu fuq it-triq li qbadna – dik msejsa fuq ġustizzja aċċessibbli, rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-ugwaljanza,” spjega Farrugia, li wkoll qal kif il-Gvern Malti dejjem żamm il-bieb miftuħ għal djalogu u progress dwar is-suġġett.
Tenna li f’Malta rnexxielna nagħmlu riformi kbar u tibdil fil-liġijiet li qatt ma seħħew mill-Indipendenza ’l hawn, waqt li l-Gvern impenjat biex iwettaq aktar proposti leġiżlattivi f’dan ir-rigward, inklużi dawk għall-protezzjoni tal-ġurnalisti.