Wara li ftit xhur ilu, Ryan Callus inqabad jikkritika fondi tal-Gvern li hu stess ibbenifika minnhom, issa reġa’ għaffiġa. Din id-darba billi nesa’ lokalità minn distrett li hu kkontesta – mis-seba’ distrett – meta fuq is-social media rringrazzja lill-kostitwenti tiegħu għas-somma li ġabar għall-maratona tal-Partit Nazzjonalista. Callus semma l-lokalitajiet fejn ikkontesta u ġie elett imma ħalla l-Imtarfa barra.
Mhux ċar jekk Ryan Callus injorax għal kollox lir-residenti tal-Imtarfa u ma marx jiġbor donazzjonijiet mingħandhom. Jew inkella, ħalliex l-Imtarfa barra meta kiteb il-lokalitajiet fejn hu kkontesta għax, skont kif qalilna resident, mhuwiex preżenti wisq f’xi lokalitajiet fejn ikkontesta. F’kull każ, jidher ċar li l-Imtarfa ma tantx hi importanti għal Callus minkejja li kkontesta hemmhekk u talab l-vot tar-residenti tal-Imtarfa fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Resident mill-Imtarfa li ġibdilna l-attenzjoni fuq din l-kitba ta’ Callus qalilna li hu vvota għal Callus fl-aħħar elezzjoni ġenerali iżda issa jista’ jinsa l-vot. Hu qalilna li għal Callus bħal donnu kien importanti li jakkwista siġġu fil-Parlament, iżda mbagħad ma sarafx wisq ħidma favur l-Imtarfa u r-residenti tagħha.
Ftit xhur ilu, Ryan Callus kien fl-aħbarijiet meta sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jikkritika fondi tal-Gvern li jħeġġu persuni jixtru vettura elettrika. Wara li xtara l-vettura tiegħu b’dawn il-fondi u bbenfika minn din l-inizjattiva tal-Gvern, Ryan Callus ried iċaħħad il-fondi lill-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi. Mhux ta’ b’xejn li kif qalulna sorsi, Ryan Callus hu magħruf fil-PN li jkun minn ta’ quddiem biex jiddeffes biex jidher iżda mbagħad spiss iwettaq politika li tkun bla ħsieb jew li ma tkunx studjata sew.
