Id-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo tas-6pm ħabbar li mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss li fadlilha madwar sentejn oħra.
Qal dan waqt intervista mal-gazzetta Malta Indipendent it-Tnejn fejn qal li d-deċiżjoni tiegħu ttieħdet “minħabba impenji tal-familja”.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol u Niċeċ Ekonomiċi Ġodda tenna li qed jgħid dan minħabba ċirkostanzi tal-familja li nbidlu u li issa jeħtieġlu jivvjaġġa barra minn Malta aktar spiss.
Il-vjaġġ politiku ta’ Bartolo jmur lura għal dawn l-aħħar disa’ snin meta kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali għall-ewwel darba fl-2017, iżda ma ġabx biżżejjed voti.
Madankollu, hu kiseb siġġu fil-Parlament f’Marzu tal-2020 permezz ta’ elezzjoni każwali wara r-riżenja ta’ Marthese Portelli. Però dan ma damx wisq hekk kif fl-istess sena ċeda postu fil-Parlament lil Bernard Grech fi żmien ta’ indeċiżjoni min kellu jagħmel dan.
Bartolo ddeskriva dan iż-żmien bħala wieħed kemm ta’ kisbiet kif ukoll ta’ sfidi.
Lid-Deputat Nazzjonalista mhux l-ewwel darba rajnih jikkritika l-azzjonijiet tal-Partit tiegħu stess u issa għal dak li ċeda postu ħames snin ilu u suppost hu Kap tal-Partit Nazzjonalista, qed iħallihom jiġbduh minn imnieħru, bil-kap de facto jkun Karol Aquilina.