Id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Alex Borg, giddeb lil Peter Agius, il-kandidat Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, jew mera dak li kiteb Agius stess.
Nhar it-Tnejn fit-Times, Peter Agius kiteb li l-kumpanija Gozo Channel għandha tiġi privatizzata.
Fil-fatt, fl-artiklu, qal li l-Gozo Channel għandha bżonn tmexxija ġdida, waħda fejn ma tkunx ikkontrollata mill-Gvern.
Fi kliem ieħor, din tingħata lill-privat.
Iżda l-istess Partit Nazzjonalista ta’ Peter Agius xhur ilu kien ħareġ kontra l-privatizzazzjoni.
B’mod ewlieni kontra ħareġ Alex Borg, li kien mar jindirizza konferenza tal-aħbarijiet u issa fuq dak li kiteb Peter Agius iswed fuq l-abjad, Borg ipprova jgiddbu.
Quddiem il-kliem, “Gozo Channel needs new management, one that is not controlled by the Government”, li kiteb Peter Agius, Alex Borg baqa’ jmerina u jgħid li Agius ma kitibx hekk.
Qal, “Ma nikkummentax għax ma qalx hekk.”
Iżda l-fatti kienu ċari: li l-Partit Nazzjonalista jibdel il-pożizzjoni tiegħu u jitkellem differenti quddiem nies differenti.
Sa xhur ilu, Alex Borg kien kontra l-privatizzazzjoni tal-Gozo Channel.
Qal, “Għalhekk illum għamilna din il-press conference, flimkien mal-kollega Ivan Castillo, biex nagħmlu ċerti mistoqsijiet ibbażat fuq informazzjoni li għandna li hemm possibbiltà li l-Gozo Channel flimkien mal-portijiet li qed jintużaw tiġi privatizzata.”