Waqt laqgħa tal-eżekuttiv nazzjonali tal-Partit Laburista, fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk ġiet approvata proposta mressqa mill-amministrazzjoni sabiex titressaq mozzjoni ta’ emenda dwar il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Din l-emenda se titressaq quddiem konferenza ġenerali straordinarja li se titlaqqa’ nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju. Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-elezzjonijiet għall-Deputat Mexxej u l-membri tal-amministrazzjoni se jsiru s-Sibt 18 ta’ Lulju. Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista se tkun qed tikkomunika aktar dettalji fil-ġranet li ġejjin.
Il-Partit Laburista qal li l-mozzjoni li ser titressaq f’isem l-eżekuttiv tipproponi bidliet fil-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Qal li kien hemm qbil unanimu mill-eżekuttiv li l-mozzjoni ta’ emenda tipproponi li l-kariga ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit ma tiġix okkupata minn membri parlamentari. Barra minn hekk, min jokkupa din il-kariga mhux se jitħalla joħroġ għall-elezzjoni ġenerali sakemm ikun ilu sentejn li spiċċa mill-istess kariga.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal l-idea hi li mmorru għall-istatut kif kien snin ilu, li jkollok persuna ffukata fuq il-ħidma tal-partit. “Dan huwa partit miftuħ għall-ideat fejn niddibattu, niddiskutu u naslu għad-deċiżjoni fl-aqwa interess tal-partit,” qal il-Prim Ministru.
Robert Abela qal ukoll li dan se jkun proċess iddominat mill-għaqda, fejn kulħadd jaħdem flimkien b’għan wieħed biex il-Partit Laburista jkompli jikber u jimxi ’l quddiem.
Waqt l-istess laqgħa tal-Eżekuttiv, ġew approvati disa’ kandidati għall-elezzjoni ġenerali li huma Joe Sammut, Sean Apap Meli, James Grech, Keith Tanti, Felix Busuttil Galea, Fleur Vella, Oliver De Gaetano, Matthew Vella u Romilda Baldacchino Zarb.
Waqt laqgħa tal-amministrazzjoni, ġie deċiż ukoll li tiġi ppublikata l-ittra ta’ riżenja ta’ Dr. Chris Cardona mill-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Partit Laburista.