Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg, li huwa wieħed mid-deputati li ma mxewx mal-linja tal-Kap Bernard Grech u tal-whip tal-Oppożizzjoni fil-vot riċenti dwar il-liġi tal-IVF, għamilha ċara li f’każ simili fil-futur se jagħmel l-istess.
Waqt programm fuq l-istazzjon fLiving li kien mistieden fuqu, Borg qal li l-pożizzjoni li ħa fil-Parlament kienet “ibbażata fuq il-prinċipji tiegħi, u fuq il-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista… jiġifieri jiena mxejt mal-passi tal-Partit Nazzjonalista, mal-passi li dejjem emminna bihom.”
Ma’ Alex Borg, kien hemm ukoll id-deputati Adrian Delia u ivan Bartolo tal-Mosta li fil-Parlament ivvutaw kontra l-linja tal-Kap, filwaqt li deputati oħra li kien hemm rapporti oħra fil-midja li talbu vot ħieles ma attendewx fil-Parlament.
Fost dawk id-deputati Nazzjonalisti li ma marrux għall-vot kien hemm Jerome Caruana Cilia, Chris Said, u Carm Mifsud Bonnici. Carm MIfsud Bonnici wara ddikjara fuq il-Facebook li wkoll kien jivvota kontra l-emendi fil-liġi tal-IVF li kieku kien disponibbli biex jattendi seduta parlamentari.
Sa mill-bidu nett tad-diskussjoni fuq din il-liġi spikkat il-konfużjoni tal-Oppożizzjoni, li esprimiet pożizzjonijiet differenti u l-firda baqgħet hemm fuq materja li tolqot direttament lil bosta familji.