Id-deprivazzjoni materjali u soċjali baqgħet stabbli u f’livelli baxxi f’pajjiżna, minkejja l-pandemija u l-effetti tagħha.
Juru dan l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali dwar l-Istatistika għall-2021.
Fil-fatt, fi stħarriġ li sar is-sena li għaddiet fost ftit aktar minn erbat elef familja li b’kollox jikkonsistu fi ftit aktar minn għaxart elef u mitt persuna, waħda minn kull 10 persuni f’pajjiżna kienet imċaħħda materjalment u soċjalment, filwaqt li dawk li kienu severament imċaħħda materjalment u soċjalment kienu biss madwar wieħed minn kull għoxrin persuna tal-popolazzjoni.
Meta wieħed iqabbel mal-2013, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, iċ-ċifri juru li dak iż-żmien kien hemm kważi għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni, jew ftit aktar minn tnejn u tmenin elf persuna li huma mċaħħda materjalment. Fl-2021, dan il-persentaġġ niżel kważi bin-nofs għal disgħa punt tmienja fil-mija, jew inkella ftit aktar minn disgħa u erbgħin elf u seba’ mitt persuna.
L-istess għal dawk imċaħħda materjalment severament. Filwaqt li fl-2013 kien hemm aktar min għaxra fil-mija tal-popolazzjoni f’din il-qgħada, taħt Gvern Laburista – u minkejja l-pandemija u l-effetti tagħha – iċ-ċifra niżlet għal ħamsa punt ħamsa fi-mija: differenza ta’ erbgħa punt sebgħa fil-mija.
Jekk wieħed, imbgħad, iħares lejn l-indikaturi ewlenin li jintużaw biex titkejjel id-deprivazzjoni materjali u soċjali, isib tnaqqis kbir u sostanzjali mill-2013 sal-lum.
Fost l-oħrajn, dawn l-indikaturi jinkludu kejl għal kemm hawn familji f’pajjiżna li ma jaffordjawx iżommu d-dar tagħhom sħuna fix-xitwa. Filwaqt li fl-2013 dan il-persentaġġ kien jammonta għal kważi erbgħa u għoxrin fil-mija, fl-2021 – taħt Gvern Laburista – dan in-numru niżel b’madwar żewġ terżi għal sebgħa punt tmienja fil-mija.
Fost ħafna indikaturi oħra kien hemm tnaqqis ukoll f’dawk il-familji li ma jaffordjawx btala ta’ ġimgħa fis-sena. Filwaqt li fl-2013 dawn kienu jammontaw għal kważi sitta u ħamsin fil-mija, is-sena li għaddiet dawn niżlu għal madwar tlieta u tletin fil-mija: tnaqqis ta’ kważi tlieta u għoxrin fil-mija.
Dwar dawn iċ-ċifri pożittivi ONE News tkellem mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Huwa sostna li dawn ir-riżultati nkisbu wara programm estensiv ta’ għajnuniet li l-gvern ta permezz ta’ skemi u miżuri li jgħinu lill-ħaddiema, lill-familji, u lill-anzjani direttament, kif ukoll lin-negozji.
Madankollu, sostna li l-Gvern se jibqa’ saqajh mal-art u jisma’ kull karba ta’ għajnuna sabiex jibqa’ jintervjeni bi skemi ta’ għajnuna skont il-ħtieġa.
Il-Ministru qal, “Dan huwa xi ħaġa pożittiva imma rridu dejjem inħarsu ’l quddiem u nibqgħu moħħna hemm u nibqgħu nsegwu. Dak huwa d-dover tagħna. Ma nistgħux ninsew li qed nitkellmu wkoll fuq pandemija. Għadna ħerġin minn pandemija li f’pajjiżi oħra għamlet kaos.”