Waqt seminar annwali dwar is-swieq kapitali, organizzat minn kumpanija ewlenija fil-qasam finanzjarju, Nick Calamatta minn Calamatta Cuschieri Moneybase sostna li, f’pajjiżna, id-depożiti bankarji fissi tal-familji qabżu ċ-ċifra ta’ €20 biljun.
Dan hu xhieda ta’ potenzjal mhux sfruttat għal investiment aktar produttiv, inkluż permezz ta’ stimulazzjoni tas-suq sekondarju biex jiġġenera aktar tkabbir.
It-tkabbir ekonomiku fl-aħħar snin, juri rabta evidenti mar-rwol tas-swieq kapitali u jgħin lill-pajjiż biex iwettaq aktar investimenti sostanzjali meħtieġa għal tkabbir sostnut.
Simon Zammit, Kap Eżekuttiv tal-Borża ta’ Malta, sostna li l-evoluzzjoni tas-swieq kapitali tul l-aħħar snin wasslet biex aktar ditti apprezzaw l-opportunitajiet f’pajjiżna, biex il-pubbliku jinvesti finanzjarjament. Dan ifisser li s-swieq kapitali llum huma fiċ-ċentru tat-tkabbir fl-industrija tas-servizzi finanzjarji, filwaqt li s-sehem tal-investituri qed ikompli jikber.