Id-Demokratiċi ta’ Joe Biden se jkunu qegħdin iżommu l-kontroll tas-Senat Amerikan wara li l-elezzjoni fl-istat ta’ Nevada intrebħet mis-Senatur Catherine Cortez Masto.
F’din l-elezzjoni hija għelbet lil Adam Laxalt, li kien appoġġjat mill-eks President Amerikan, Donald Trump.
Dan ifisser li issa d-Demokratiċi kisbu ħamsin siġġu, filwaqt li r-Repubblikani għandhom disgħa u erbgħin siġġu.
Minkejja li għad fadal l-istat ta’ Georgia biss, li se jkollu elezzjoni oħra x-xahar d-dieħel minħabba li ħadd ma kiseb il-maġġoranza tal-voti, id-Demokratiċi għandhom il-maġġoranza permezz tas-siġġu tal-Viċi-President Kamala Harris, li wkoll għandha vot fis-Senat.
Dawn ir-riżultati minn naħa tad-Demokaratiċi f’dawn l-elezzjonijiet fost il-leġiżlatura qegħdin ikunu meqjusa bħala l-aħjar prestazzjoni li Partit fil-poter għamel fl-aħħar għoxrin sena.