Tifla Għawdxija ta’ ħames snin marida bil-kanċer hija waħda fost għexerien ta’ persuni li bbenefikaw mid-demm li ta donatur li ilu minn ċkunitu jagħti d-demm, u llum ta aktar minn 113-il donazzjoni.
Fil-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, dan l-istazzjon tkellem ma’ Claude Camilleri, li ilu jagħti d-demm min Ottubru tal-1992.
Huwa qalilna: “Ħajjruni, nista’ ngħid li ħajjarni ħija, u llum il-ġurnata nħajjar il-ħaddieħor jien ukoll biex jiġi miegħi, kif għamlu miegħi jien nagħmel ma’ ħaddieħor.”
Tkellem dwar waħda minn fost diversi esperjenzi li tawh sodisfazzjon meta rċieva messaġġ b’sejħa għall-għoti tad-demm.
Is-Sur Camilleri sostna: “Fejn tkun trid teħles għax trid tagħmel ġurnata xogħol, u fejn taf li hemm xi ħadd għandu bżonn l-għajnuna, għażilt li mmur. Sibt in-nurse jistenini, il-proċess huwa wieħed twil hekk kif trid tagħmel ħamsin minuta mqabbad mal-magna. Nurse qalli li l-platelist ta’ llum ħa mmorru dritt għal Għawdex għal-tifla ta’ ħames snin għax kienet marida bil-cancer.”
Claude Camilleri ġie rikonoxxut mill-istat Malti għall-ammont sostanzjali ta’ donazzjonijiet ta’ demm li ta tul is-snin.
Bħalu ġiet rikonoxxuta Mary Anne Grech, li għal dawn l-aħħar 35 sena, tat diversi donazzjonijiet tad-demm li ntużaw biex għenu jsalvaw il-ħajjiet.
Hija spjegat: “Servizzi eċċellenti, m’għandix xi ngħid, la fuq in-nurses, la fuq it-tobba. They are very helpful.Idejhom ta’ żokkor, ma thossomx. Tagħmel ħbieb magħhom kollha għax meta tmur regolari iktar ma tmur iktar se tkun taf lil xulxin.”
Hija kellha dan l-appell għal dawk li jibżgħu mit-tingiża tal-labra.
Hija saħqet: “Diment li tħossok b’saħħtek u li m’għandekx xejn li jżommok, agħti demm. It-tingiża ma tħosshiex, kif qal ta’ qabli gidma ta’ nemusa hija iktar qawwija mit-tingiża li tieħu inti biex tagħti demm.”
Biex jinħoloq iktar għarfien dwar il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, bosta binjiet prominenti f’pajjiżna inxtegħlu bl-aħmar mill-ewwel sal-erbatax ta’ Ġunju biex jintwera apprezzament xieraq lejn dawk li jagħtu d-demm.