Huwa stmat li 17,000 reat u 1,000 każ ta’ vjolenza domestika ikunu rrapportati lill-Pulizija kull sena. Dan skont il-professur Saviour Formosa, kap tad-Dipartiment tal-Kriminoloġija.
Fid-dawl tal-qtil ta’ mara ta’ 41 sena li kien irrapportat ilbieraħ, il-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Università ta’ Malta u l-Victim Support Malta innotaw dawn iċ-ċifri u qalu li qed jiddiskutu mezzi kif jistgħu jsaħħu l-koperazzjoni fejn tidħol il-kriminalità.
Flimkien esploraw il-possibiltajiet li jinvolvu stakeholders ewlenin biex isiru proġetti edukattivi. Dawn jinkludu proġetti ta’ riċerka, bl-għan aħħari jkun li titfassal politika bbażata fuq l-evidenza li diġa’ teżisti, biex dejjem jinqered is-sors ta’ kriminalità.
Fi stqarrija, l-Fakultà saħqet li huwa importanti ferm li l-Gvern jibqa’ jkun ta’ sostenn lill-vittmi ta’ vjolenza. Qalet li servizzi kruċjali bħal dawk provduti minn Victim Support Malta, qed jimlew ċertu vojt li qed jinħoloq fejn jidħlu servizzi. Filwaqt li l-Fakultà temmen li alternettiva tajba hi li l-Gvern jipprovdi dawn is-servizzi hu, alternattiv oħra hi li l-NGO ikollha aktar fondi biex tkun tista’ taħdem aħjar.