Ingwanti mċappsa bid-demm ta’ Eleanor Mangion Walker instabu fil-karozza ta’ żewġha Andrew Mangion, flimkien mal-mobile tagħha.
Dettalji li ħarġu fil-Qorti hekk kif illum kompliet tinstema’ l-evidenza kontra Andrew Mangion, akkużat bil-qtil ta’ martu f’Lulju li għadda, liema qtil allegatament seħħ is-Swieqi, biex umbagħad ġisimha ittieħed f’maħżen f’Ħal Qormi.
Intant tressqu akkużi ġodda fil-konfront ta’ Andrew Mangion – fosthom li b’mod konxju iddispona minn evidenza ta’ reat u li ħeba katavru ta’ vittma ta’ qtil. Kien akkużat ukoll li kien fil-pussess tal-kannabis xhur qabel. Mangion ċaħad dawn l-akkużi.
L-ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud dalgħodu semma’ telefonata li saret lil linja tal-emerġenza 112 u wera filmati CCTV ta’ tranżazzjoni bl-ATM li saret minn Andrew fl-Ibraġ, Swieqi u l-Mosta bejn it-tieni jum ta’ Lulju u sbieħ it-tielet.
Eleanor instabet fil-maħżen nhar il-Ħadd, tlieta ta’ Lulju. Filmati juru li dan il-maħżen f’Ħal Qormi infetaħ kemm nhar is-Sibt u kemm nhar il-Ħadd, darba minnhom fil-preżenza ta’ ċertu Russu Kristijan Zekic.
Zekic, akkużat li qered evidenza, kien is-Swieqi lejliet li Eleanor instabet mejta, u qatta ħin konsiderevoli ma’ Andrew, sa kwarta qabel dan daħal fil-maħżen f’Ħal Qormi.
Fil-karozza Hyundai ta’ Andrew instabu żewġ pari ingwanti taħt is-seat, mċappsa bid-demm li kien ikkonfermat li huwa ta’ Eleanor. Instabu wkoll il-mobile tagħha u kopja taċ-ċwievet ta’ karozza ta’ ħu Andrew, li Eleanor kienet qed tuża temporanjament. Fil-ħin tal-arrest, Andrew kellu fuqu wkoll iċ-ċwievet oriġinali.
Pakkett suspettat li huwa kannabis instab minn esperti forensiċi, flimkien ma’ pakketti oħra vojta, li normalment jintużaw fit-traffikar tad-droga.
L-ispettur qal li nhar il-25 ta’ Awwissu kien infurmat b’laptop li huwa ta’ Andrew, li ntbagħat għat-tiswija iżda qatt ma nġabar. Dan il-laptop qed jinżamm mill-esperti biex jeżaminawh.
Beverly Walker, oħt Eleanor Mangion Walker, xehdet li oħtha u Andrew għaddew minn fażi kerha ħames snin ilu, iżda l-affarijiet tjiebu dawn l-aħħar sentejn. Erba’ snin ilu kien jissusspetta li ma kinitx leali lejh. Qalet li darba rat lil Andrew jagħti daqqa ta’ ħarta lil binthom.