L-interpreti ‘freelance’ li jaħdmu mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Parlament Ewropew jitħallew f’inċertezza kbira f’dawn iż-żminijet diffiċli ta’ pandemija.
Minħabba l-pandemija COVID-19, l-istituzzjonijiet Ewropej waqqfu l-laqgħat li jirrikjedu l-preżenza fiżika tal-parteċipanti. Riżultat ta’ dan, l-interpreti ‘freelance’, inkluż dawk Maltin, sabu ruħhom mingħajr xogħol u mingħajr dħul. Minkejja s-snin twal ta’ servizz, is-servizzi ta’ l-interpretazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea ddeċidew li joffru kuntratti “speċjali” jew “diferiti”, jiġifieri self ta’ darba għas-somma ta’ €1,300 lill-interpreti ‘freelance’, biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ dħul matul ix-xhur tal-pandemija. Din l-offerta hija kkunsidrata bħala waħda finali.
Meta wieħed jikkunsidra li hemm 24 lingwa uffiċjali u numru kbir ta’ laqgħat li jkunu qed iseħħu fl-istess ħin, l-interpreti ‘freelance’ jagħtu l-kontribut siewi tagħhom biex jassistu lill-istituzzjonijiet fit-tmexxija ta’ kuljum. Mingħajr is-servizzi ta’ dawn l-interpreti, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jaħdmu sewwa.
“Din l-offerta ma toffrix kumpens adegwat għan-nuqqas ta’ dħul minħabba l-pandemija. Barra minn hekk, ġie wkoll enfasizzat il-fatt li l-entitajiet rappreżentattivi tal-interpreti ‘freelance’ ma ngħatawx l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom f’dawn id-diskussjonijiet. Dan l-aġir jikkontradixxi l-messaġġ ta’ solidarjetà li qed jintbagħat kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea fis-sitwazzjoni preżenti li hi waħda ta’ sfida” qalet id-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew.
Fost azzjonijiet oħra, id-Delegazzjoni Laburista kitbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tħeġġeġ lis-servizzi ta’ interpretazzjoni għal aktar diskussjonijiet mal-entitajiet rappreżentattivi tal-interpreti ‘freelance’ u temmen li b’rieda tajba u djalogu kontinwu, jista’ jintlaħaq ftehim aċċettabbli għaż-żewġ naħat.
“Din il-kwistjoni mhux biss taffettwa l-ħidma tal-Istituzzjonijiet li dalwaqt se jkollhom jirrikorru mill-ġdid għas-servizzi tal-‘freelancers’, iżda wkoll fuq il-ħarsien tal-lingwi uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Minħabba s-sitwazzjoni preżenti, il-lingwa Maltija ma tistax tintuża f’laqgħat remoti” temmet tgħid id-Delegazzjoni Laburista.