Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca reġgħet laqgħet id-delegazzjoni Ċiniża li tinsab pajjiżna b’rabta mal-kummerċ u l-potenzjal ta’ aktar investiment minn imprendituri Ċiniżi f’Malta.
Il-President tenniet ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn Malta u ċ-Ċina, u minkejja d-differenza ġeografika, Malta dejjem ibbenefikat minn rabtiet sodi mal-pajjiż Ażjatiku.
Il-President Coleiro Preca semmiet li nhar is-Sibt li ġej se jiġu ffirmati memorandum of understandings bejn Malta u ċ-Ċina.
Semmiet ukoll kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi dwar l-onkoloġija u r-riċerka tal-kanċer.
Waqt din iż-żjara ġew identifikati wkoll diversi opportunitajiet ekonomiċi.
Fl-indirizz tiegħu id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne semma s-suċċess li kellu l-proġett tat-Traditional Chinese Medicine Unit, fejn fl-ewwel sena mill-operat diġà laqa mal-10,000 pazjent.
Semma’ wkoll il-partnership li hemm bejn l-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Shanghai dwar il-Masters fil-mediċina tradizzjonali Ċiniża.
Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li Malta għandha ekonomija b’saħħitha u kif il-pajjiż qed jinvesti fin-nies.
Semma kif Malta hija ġurisdizzjoni tajba għall-imprendituri Ċiniżi li jridu joperaw fl-Ewropa u anke fl-Afrika ta’ fuq.
Il-Ministru għall-Enerġija, Joe Mizzi, spjega kif l-investiment ta’ €320,000,000 mix-Shanghai Electric wassal biex il-Maltin illum qed iħallsu kontijiet orħos filwaqt li tnaqqas it-tniġġis fl-arja.
Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, indirizza lid-delegazzjoni Ċiniża billi spjega kif Malta, minkejja ċ-ċokon tagħha, hija pajjiż loġistiku b’saħħtu li joffri bosta possibilitajiet għal kull imprenditur.