Il-kandidat għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Chris Cardona qal li matul il-kampanja li mexxa, kompla jikkonferma u japprezza kemm id-delegati u l-attivisti huma l-qalb u r-ruħ tal-Parti Laburista.
“Partit Laburista b’saħħtu huwa partit li jagħti l-attenzjoni u l-importanza mistħoqqa lid-delegati u l-attivisti tiegħu, għaliex huwa huma l-pedament ta’ struttura soda li rridu nkomplu nibnu mal-elettorat. Huwa b’ dan il-mod li nibnu pontijiet b’ sahhithom mas-socjeta” saħaq Chris Cardona.
Chris Cardona qal li dan l-għan jista’ jkompli jintlaħaq kemm –il darba l-Partit Laburista jindirizza b’ aktar heffa l-inġustizzji li sofrew persuni ta’ rieda tajba matul is-snin
Huwa qal li l-Kampanja għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej Laburista resqitu aktar qrib l-għeruq tal-Partit u kkometta ruħhu li kemm –il darba elett se jżomm dan il-kuntatt dirett u se jkun aċċessibli, kemm bi preżenza frekwenti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, kif ukoll fiċ-ċentri mifruxa madwar Malta u Għawdex. B’kampanja li kellha l-bidu u t-tmiem tagħha f’Għawdex, bl-iskop li tagħraf l-importanza li jixraqlu dan il-mutur ekonomiku għall-pajjiż u reġjun, li fiħ il-Partit Laburista kiber fl-appoġġ.
Fil-laqgħat li kellu kompla japprezza rwol li għandhom in-Nisa Laburisti, il-Forum Żgħażagħ Laburisti, l-Għaqda Veterani Laburisti u l-fondazzjoni IDEAT. Chris Cardona qal li dawn il-fergħat, flimkien mal-istutturi tal-Partit u l-mezzi ta’ kommunikazzjoni għandhom ikomplu jissaħħu biex inkunu f’pożizzjoni b’saħħitha għall-elezzjoni ġenerali u lilhin.
“Jiġri x’jiġri wara din l-elezzjoni jien nibqa’ attivist leali, ħabbrieki u b’imħabba kbira għall-Partit Laburista. Imma kemm –il darba d-delegati tal-Partit Laburista se jkollhom il-pjaċir jaħtruni bħala Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit, inkun onorat li nservi f’din il-kariga b’impenn akbar minn dawn l-aħħar 25 sena kemm ili attiv fil-Partit,” temm jgħid Cardona.