Stqarrija maħruġa mill-Ministru Helena Dalli
Din il-ġimgħa d-delegati tal-Partit Laburista reġa’ għandhom l-opportunità li jiktbu l-istorja. Dan billi jaħtru mara f’waħda mill-ogħla karigi ta’ tmexxija tal-Partit u konsegwenza ta’ hekk tal-pajjiż.
Jekk jagħmlu dan id-delegati tal-Partit Laburista jkunu qed iżommu mat-tradizzjoni tal-Partit Laburista li mill-gvern dejjem kien fuq quddiem nett biex ta sehem lill-mara fl-ogħla karigi tal-pajjiż.
Kien il-Partit Laburista mill-gvern li ħatar l-ewwel Ministru mara, kien Partit Laburista mill-gvern li ħatar l-ewwel President tar-Repubblika mara u kien Partit Laburista mill-gvern li ħatar l-ewwel speaker mara.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, emfasizza dan il-bżonn meta saħansitra ħatar lil Marie Louise Coleiro Preca bħala t-tieni President tar-Repubblika mara. Li kien hemm komuni f’kull każ mhijiex biss il-preżenza femminili iżda wkoll il-ħila u l-kompetenza ta’ min okkupa l-kariga.
Din id-darba d-delegati għandhom iċ-ċans li huma wkoll jestendu l-fiduċja li reġa’ tani l-Prim Ministru meta għażel li jafdani bil-Ministeru li kellu d-Deputat Prim Ministru Louis Grech. Xi ħaġa li imlietni b’iktar ħeġġa biex nagħmel dan il-pass li nikkontesta għal kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament.
Dan huwa pass naturali għal dawk li segwew il-karriera tiegħi ta’ 38 sena fil-Partit Laburista. Ħdimt fil-livelli kollha: fiż-żgħażagħ, fil-kumitati lokali, fin-nisa u fl-eżekuttiv nazzjonali. Għalhekk nista’ nifhem aħjar il-Partit u l-partitarji .
Relevanti iżjed minn hekk għal din il-kariga, huma l-21 sena tiegħi fil-Parlament. Nifhem il-Parlament miż-żewġ perspettivi: dik ta’ Gvern u dik ta’ Oppożizzjoni.
Jien kont fil-Partit u fil-Parlament fi żminijiet diffiċli u ta’ tbatija. Għalhekk b’umiltà qed nippreżenta ismi quddiem id-delegat tal-Partit biex inpoġġi l-lealtà tiegħi lejn il-Partit u lejn Joseph Muscat, u l-esperjenza tiegħi ta’ 38 sena fil-politika u 21 sena fil-Parlament għad-dispożizzjoni tal-Partit Laburista li tant ngħożżu.