Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena, id-dejn naqas b’mija u disgħa u disgħin miljun ewro meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
L-NSO qal li bejn Jannar u Novembru li għadda, id-dħul tal-Gvern żdied b’mitejn u tmintax-il miljun ewro u laħaq aktar minn tlett elef u disa mitt miljun ewro. Din kienet tfisser żieda ta’ kważi sitta fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Iż-żieda fid-dħul tal-Gvern kienet dovuta l-aktar għal żieda fid-dħul mill-income tax, mill-VAT u mill-Bolla.
Min-naħa l-oħra n-nefqa tal-Gvern laħqet kważi l-erbat elef miljun ewro, jiġifieri żieda ta’ ftit aktar minn disa’ fil-mija meta mqabbel mal-2017. L-NSO qal li ż-żieda fin-nefqa kienet dovuta l-aktar għal investiment akbar fi proġetti kapitali. Fil-fatt in-nefqa tal-Gvern fi proġetti kapitali żdiedet bi kważi mija u tmienja u tletin miljun ewro u laħqet l-erba’ mija u seba’ miljun ewro.
L-NSO żied jgħid li matul l-ewwel ħdax-il xahar tas-sena, id-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern wasslet għal defiċit ta’ ħamsa u tletin miljun ewro fil-fond konsolidat.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika żied jgħid li l-imgħaxijiet fuq id-dejn tal-Gvern naqsu b’aktar minn tnax-il miljun ewro meta mqabbel mal-2017.