Filwaqt li, kaġun tal-isfidi qawwija tal-pandemija u dawk ġodda li qed tikkawża l-gwerra fl-Ukrajna, id-dejn ta’ diversi Stati membri tal-Unjoni Ewropea qabeż il-limitu ta’ 60% tal-Prodott Domestiku Gross impost mir-regolamenti tal-Unjoni, id-dejn ta’ Malta baqa’ taħt is-60%.
Jixhdu dan ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li juru li, b’kollox, id-dejn nazzjonali tal-Gvern fi tmiem is-sena li għaddiet kien jammonta għal 57% tal-Prodott Domestiku Gross.
B’kollox, id-dejn tal-pajjż fi tmiem is-sena l-oħra kien ta’ ftit aktar minn €8,284.4 miljun, li jirrappreżenta żieda ta’ madwar wieħed punt tlieta biljun ewro meta kkumparat mas-sena ta’ qabel.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika spjega kif ħafna miż-żieda fid-dejn kienet riżultat tal-finanzjament kontinwu tal-Gvern f’miżuri ta’ għajnuna relatata mal-Covid-19. Barra minn hekk, quddiem sfidi ġodda bħall-gwerra fl-Ukrajna, il-gvern Malti kompla jdaħħal idu fil-but sabiex jgħin biex jimmitiga l-effetti bħaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.
Fil-fatt, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat, kien ikkonferma li l-prezzijiet tal-enerġija għolew kullimkien fl-Unjoni Ewropea minbarra f’Malta, grazzi għall-intervent tal-Gvern. Dan apparti skemi u miżuri biex jimmitigaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u jiggarantixxu s-sigurtà tal-ikel lokali.
Filwaqt li, f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi severa bħall-pandemija u, issa, l-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ewropa, Malta rnexxielha żżomm il-livell tad-dejn tal-Gvern taħt il-limitu ta’ 60 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross impost mir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi d-dejn tal-Gvern kien tela’ għal 70 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.