Id-defiċit ta’ pajjiżna hu inqas minn dak imbassar ta’ 4.4%, hekk kif din is-sena se jkun ta’ 4.0%.
Dan fl-isfond ta’ indikazzjonijiet li jbassru li d-defiċit ta’ pajjiżna se jkompli jonqos. Id-dejn, għas-sena d-dieħla, mistenni li jammonta għal 3.5%, filwaqt li jinżel għal 3.0% fl-2026.
Id-defiċit ta’ pajjiżna, mistenni jinżel għal 2.6% sal-2027, b’riżultat tat-tmexxija għaqlija u b’dixxiplina fit-tmexxija tal-finanzi f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar li hemm riżultati pożittivi fil-ġbir tat-taxxi dovuti kif ukoll fl-inforzar biex jiġi assigurat li t-taxxa tinġabar b’mod ġust u ekwu.
Spjega kif dawn ir-riżultati jkomplu jixprunaw aktar investiment, fosthom bl-investiment ta’ €10 miljun, li qed isir fuq perjodu ta’ għaxar snin biex tiġi installata sistema diġitali u integrata tal-IT li tgħaqqad il-funzjonijiet flimkien.
Il-Ministru Caruana tkellem ukoll dwar l-għaqal, li hu mmexxi bih is-settur tal-finanzi f’pajjiżna, fejn mhux biss baqa’ jimxi mar-regoli Ewropej, iżda baqa’ jgħin lill-ekonomija, iwieżen lin-nies u jiżgura, li tonqos ir-rata tad-defiċit u l-piż tad-dejn fuq pajjiżna.
Fil-fatt, pajjiżna kien biss fost żewġ pajjiżi, li rrispetta d-data tal-iskadenza biex jiġi sottomess, l-hekk imsejjaħ Medium Term Fiscal Plan għand il-Kummissjoni Ewropea, xhieda tal-kredibilità li jħaddan pajjiżna. Dan filwaqt li jiġi rrispettat l-isforz minimu, permezz ta’ tnaqqis tad-defiċit ta’ 0.5% kull sena.
Il-Ministru għall-Finanzi tkellem dwar l-aġir tal-Oppożizzjoni fuq din il-kwistjoni fejn tipprova tqarraq b’analiżi mhux kompluta, mingħajr ma tirreferi għal b’kemm kibret l-ekonomija jew kemm hu l-piż tad-dejn.
Fil-fatt, mill-2013 ’il hawn, l-ekonomija kibret b’175%, jiġifieri minn €9.0 biljun fis-sena dakinhar, għal €23.0 biljun illum il-ġurnata.
Lura fl-2013, il-piż tad-defiċit kien ta’ kważi 70.0% tal-Prodott Gross Domestiku. Dan b’kuntrast mal-lum il-ġurnata, fejn din il-figura niżlet għal inqas minn 50%.