Id-dejn tal-pajjiż mistenni jkun inqas minn dak li tħabbar fil-budget.
Dan intqal mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fil-Parlament, fejn fakkar kif fid-diskors tal-budget f’Ottubru li għadda, kien qal li d-dejn kien se jkun ta’ 60%, iżda jirriżulta li se jkun inqas minn hekk.
Qal, “Id-dejn tal-pajjiż mhux se jkun qrib is-60%, Sur President, imma aktarx se nkunu fil-livell ta’ 55%. Jiġifieri ħames punti perċentwali taħt is-60%.”
Fil-Parlament, il-Ministru Clyde Caruana spjega li fl-2011, il-piż tad-dejn li kien qed iġorr il-pajjiż għal kull €100, kien ta’ 70%.
Spjega li sa qabel il-pandemija, dak il-piż nieżel għal 40%.
Huwa sostna li minkejja l-pandemija u l-isfidi internazzjonali bla preċedent, id-dejn huwa inqas minn kemm kien fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Qal, “Dak il-piż minn 40% żdied għal 55%. Jiġifieri xorta waħda għadu 15-il punt perċentwal inqas mill-mod kif kien fl-2011, meta la kien hawn pandemija u lanqas kellna gwerra.”
Dwar id-defiċit, fil-budget li għadda kien tħabbar li dan kien se jkun ta’ 5.8% u f’dan id-diskors, il-Ministru Caruana qal li kollox jindika li dan se jkun ta’ 5.7% jew ta’ 5.6% fil-mija.
Il-Ministru Clyde Caruana qal ukoll li l-Kummissjoni Ewropea qalet lill-istati membri li d-defiċit irid ikun inqas minn sitta fil-mija. Qal li l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-pajjiżi biex jippreżentaw pjan ta’ kif se jkunu qed itejbu l-ekonomiji tagħhom.