Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana saħaq li d-dejn ta’ pajjiżna kompla jinżel frott it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li kompla jesperjenza pajjiżna.
Fil-Parlament, fil-ħin tal-mistoqsijiet, il-Ministru Caruana spjega kif il-Gvern kompla jżomm mal-miri u d-dejn huwa ta’ 53% bi proporzjon mal-Prodott Domestiku Gross.
Intqal kif id-dejn ta’ pajjiżna huwa ferm inqas minn 60% li huwa l-massimu stipulat mit-Trattat ta’ Maastricht.
Il-Ministru tal-Finanzi qal “Dan propju huwa attribwit għall-fatt tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż għas-sena l-oħra kien wieħed sostanzjalment ta’ 13% u allura bħala perċentaġġ dan għen drastikament sabiex id-dejn bħala piż proporzjon fuq il-Prodott Domestiku Gross ikun nieżel sostanzjalment.”
L-istatistika tal-EUROSTAT turi wkoll li d-dejn tal-pajjiż is-sena l-oħra huwa aħjar mit-tbassir li kien għamel il-Gvern fil-Budget, li kien ta’ kważi 57%.
Fiż-Żona Ewro d-dejn kien ta’ 91.6% tal-Prodott Domestiku Gross filwaqt li fl-Unjoni Ewropea kien ta’ 84%.
L-istatistika uffiċjali turi wkoll li d-dħul tal-Gvern matul l-2022 kien tajjeb minkejja l-kriżi internazzjonali, filwaqt li n-nefqa tal-Gvern baqgħet waħda kkontrollata.
Dan kien possibbli għax, permezz tal-miżuri ta’ appoġġ li l-gvern Malti baqa’ jieħu favur il-familji u n-negozji, ewlenin fosthom is-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwils, l-ekonomija kompliet tikber b’rata b’saħħitha.
Fil-fatt dan irrimarka għalih anki fil-Parlament fis-seduta tat-Tnejn filgħaxija, il-Ministru Clyde Caruana.
Taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi, fi kriżi internazzjonali ferm iżgħar minn dak li għaddiet id-dinja llum wara pandemija u bi gwerra fl-Ukrajna, id-dejn tal-Gvern kien sploda għal aktar minn 70% tal-Prodott Domestiku Gross.
Illum huwa kważi 17% inqas minn dak iż-żmien.
Il-Ministru qal “Irrid infakkar allura li meta dħalna fil-Gvern dan il-pajjiż kellu dejn li l-piż tiegħu kien ftit inqas minn 70% u llum il-ġurnata minkejja l-pandemija kif ukoll li l-pajjiż qed jagħmel dak kollu possibbli sabiex jilqa’ għall-impatt tal-elettriku u tal-fjuwil u tal-enerġija u minkejja dan kollu l-piż tad-dejn approporzjon tal-prodott gross domestiku huwa ta’ 53%.”
Intant dan l-iżvilupp marbut mat-tnaqqis tad-dejn ġie wara rapport pożittiv tal-Fond Monetarju Internazzjonali li wera kif din is-sena u s-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija hija t-tieni li se tikber fl-Unjoni Ewropea u pajjiżna se jibqa’ jkollu l-inqas rata ta’ qgħad.
Dan apparti li l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu DBRS tat rating A għall-ekonomija Maltija.