Matul is-sena l-oħra d-dejn pubbliku mqabbel mal-prodott domestiku gross kompla jonqos.
Minn statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, is-sena l-oħra, id-dejn nazzjonali kien 43.1% tal-prodott domestiku gross.
Dan meta fis-sena ta’ qabel kien 45.8% tal-prodott domestiku gross.
Dan ifisser li mill-2018 għall-2019, il-piż tad-dejn imqabbel mal-prodott domestiku gross niżel bi kważi 3%. Fl-aħħar snin il-piż tad-dejn niżel.
Fil-fatt mill-2013 lil hawn id-dejn pubbliku mqabbel mal-prodott domestiku gross niżel b’aktar minn 25%.
Fil-fatt fl-2013, id-dejn kien 68.4% tal-prodott domestiku gross.
Fl-aħħar għaxar snin, l-aktar darba li ġie reġistrat dejn għoli kien fl-2011.
F’dik is-sena saħansitra d-dejn tal-Gvern kien 70.2% tal-prodott domestiku gross.
L-istatistika tal-NSO tinnota wkoll punti pożittivi fosthom tnaqqis fir-rata ta’ interessi f’termini nominali.
Filwaqt li fl-2016 ir-rata ta’ interessi f’termini nominali kienet ta’ 3.8%, is-sena l-oħra din niżlet għal 3.2%. Naqas ukoll id-dejn fi flus barranin.
Hawn hekk id-dejn naqas b’mitt elf ewro fi flus barranin.
Il-garanziji tal-Gvern fuq self naqsu wkoll bi kważi wieħed u tmenin miljun ewro.